Lokali Parlament

Il-ġustizzja mhix importanti għall-Gvern – il-PN

Jekk il-Gvern ta’ Joseph Muscat ma jressaqx il-Mozzjoni ta’ Impeachment dwar l-Imħallef Lino Farrugia Sacco biex tiġi diskussa fil-Parlament sal-lejla, qabel ma l-Parlament jagħlaq għall-vaganzi tas-Sajf, l-Imħallef Farrugia Sacco se jkun qed jirtira mingħajr ma tkun ittieħdet l-ebda deċiżjoni dwaru.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-ġustizzja għandha tkun ugwali għal kulħadd. Madankollu, f’każ wara l-ieħor, il-Gvern Laburista u l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qed juru li l-Gvern lest ixekkel jew jindaħal fil-proċess tal-ġustizzja b’mod li l-ġustizzja ma tkunx tista’ ssir.

Il-PN qal li se jibqa sal-aħħar jinsisti mal-Gvern biex jara li titwettaq ġustizzja u l-każ tal-Imħallef Farrugia Sacco ma jitħalliex għaddej qisu xejn mhu xejn. Il-PN reġa’ sfida lill-Ministru Owen Bonnici biex iħalli l-Parlament jiddiskuti l-Mozzjoni ta’ Impeachment tal-Imħallef Farrugia Sacco minflok jaġġorna l-Parlament għall-vaganzi tas-Sajf.

Fl-istqarrija ngħad li fl-istess ġimgħa, minflok ħa passi, il-Gvern baqa’ sieket u ma ħa l-ebda passi kontra ċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina, li ammetta hu stess li ma sejjaħx lill-Pulizija dwar il-każ ta’ serq ta’ €4,000 mill-kumpanija qabel ma l-media saret taf bl-istorja. Fil-qasam tal-ġustizzja, il-Gvern qed juri li mhux kapaci juża’ l-istess riga ma’ kulħadd, temmet tgħid l-istqarrija.