Id-dilettanti tal-Karnival se jkollhom jumejn oħra biex igawdu d-delizzju tagħhom, hekk kif bejn is-16 u s-17 ta’ Awwissu se tittella’ edizzjoni oħra bil-Karnival tas-Sajf. Din l-edizzjoni se tittella’ f’Buġibba u matulha dan il-lokal turistiku se jkun qed joffri karatteristiċi Maltin lit-turisti u anke lill-Maltin li għandhom għal qalbhom il-Karnival.
L-inizjattvia tal-Karnival tas-Sajf qed issir f’mument meta parteċipanti tal-Karnival Malti se jkunu qed jieħdu sehem għall-ewwel darba fil-Karnival ta’ Notting Hill fir-Renju Unit. Dawn l-iżviluppi fl-elementi tal-Karnival Malti kienu trattati waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata f’Buġibba mill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Kultura Owen Bonnici. Fil-konferenza tal-aħbarijiet ngħataw dettalji dwar il-Karnival tas-Sajf u anke l-attrazzjonijiet li dan se jkun qed joffri.
Il-Ministru Bonnici qal li l-Karnival tas-Sajf se jkun ibbażat fuq it-tradizzjoni tal-Karnival Malti u se jinkludi żfin, karrijiet u kostumi. Flimkien ma’ dawn l-elementi, il-Karnival tas-Sajf għandu jservu wkoll ta’ attrazzjoni għall-emigranti Maltin li f’nofs Awwissu jirritornaw Malta biex jgħaddu ġimgħat ta’ vaganzi mal-familji tagħhom f’Malta.
Dwar il-parteċipazzjoni tal-Maltin fil-Karnival ta’ Notting Hill, tkellem id-Direttur tal-Karnival Jason Busuttil, li spjega kif din il-parteċipazzjoni se tkun element importanti għal Maltin li jieħdu sehem u jorganizzaw il-Karnival Malti. Il-Karnival ta’ Notting Hill beda fl-1964, b’parteċipazzjoni ta’ madwar 500 persuna. Tul is-snin kompla jiżviluppa l-element Karibew tiegħu, tant li llum ikollu madwar 50,000 parteċipant u jkun segwit minn madwar miljun persuna fit-toroq ta’ Londra.
//= $special ?>