Il-Membri Parlamentari Ewropej Maltin il-Ġimgħa pparteċipaw f’laqgħa tal-core group tal-MEUSAC fejn kellhom l-opportunita’ jispjegaw il-ħidma tagħhom fil-kumitati differenti tal-Parlament Ewropew.
Għal din il-laqgħa attendew l-Ewro Parlamentari Marlene Mizzi, David Casa, Therese Comodini Cachia, Miriam Dalli u Alfred Sant filwaqt li Roberta Metsola kienet skużata minħabba impenji ta’ xogħol barra minn pajjiżna. Fid-dawl ta’ dan hi ħejjiet dossier bil-ħidma tagħha u li ġie ppreżentat mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Ewropej Marthese Portelli.
L-Ewro Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista David Casa qal li hemm sitt deputati Maltin imma ħafna kumitati. Spjega kemm dawn jirrikjedu xogħol imma huma importanti ħafna anke li l-MEPs jattendu għall-kumitati għaliex dawn jaffettwaw direttament lil pajjiżna. Kompla li MEP jattendi wkoll kumitati oħra meta jiġu diskussi suġġetti importanti għal pajjiżna.
Therese Comodini Cachia qalet kif il-kumitat dwar il-liġi, li hi membru tiegħu, se jaffettwa anke lill-imsieħba soċjali għaliex jolqot temi bħar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji fost l-oħrajn. Għalhekk trid tara li tkun involuta fid-diskussjonijiet biex kwistjonijiet jiġu ndirizzati qabel jinħareġ draft document.
Miriam Dalli qalet li dwar l-ambjent diġa’ bdew jitħejjew xi rapporti waqt li oħrajn pendenti tressqu quddiem il-membri tal-kumitati. Fost oħrajn bħalissa qed jiġu diskussi regolamenti dwar il-basktijiet tal-plastik li allura dawn se jħallu impatt fuq iċ-Ċittadini u l-ambjent.
Marlene Mizzi qalet kif ħafna mid-diskussjonijiet li jsiru f’dawn il-kumitati direttament jolqtu setturi importanti f’pajjiżna bħalma huma l-intrapriżi żgħar u medji, il-konsumaturi u d-drittijiet tagħhom, kif ukoll numru ta proġetti li ħafna intrapriżi Maltin ibbenefikaw minnhom.
Minn naħa tagħha Roberta metsola spjegat kif hi se tkompli taħdem biex tressaq liċ-ċittadini Maltin dejjem eqreb lejn l-Unjoni Ewropea bħalma għamlet fl-aħħar leġiżlatura fil-Kumitat tal-Petizzjonijiet. Madankollu kompliet li se tkun qed tiffoka wkoll fuq ħidma oħra bħalma hi dik marbuta mal-internet.
Alfred Sant qal li fl-aħħar jiem ta’ ħidma tiegħu segwa ħafna l-għaqda bankarja li se tinħoloq fl-Unjoni Ewropea. Hu qajjem tħassib dwar il-pressjoni li skont hu se tintefa’ fuq il-banek. Hu appella biex isir studju li jagħmel studju ħolistiku fuq kif din se taffettwa lil pajjiżna.
Wara l-preżentazzjoni tal-MEPs, l-imsieħba soċjali kellhom l-opportunita’ li jiddiskutu u jistaqsu lill-MEPs dwar l-oqsma li jaffettwawhom direttament.
//= $special ?>