Lokali

Il-PN iwaqqaf 10 Fora għal bidliet fil-politika tiegħu

F’laqgħa ta’ kull xahar, li saret ilbieraħ filgħaxija, il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista approva t-twaqqif ta’ 10 Policy Fora li se jiddiskutu u jipproponu proposti politiċi ġodda għall-PN. Il-proposta tressqet mill-Kap tal-Partit Simon Busuttil. Il-Policy Fora tal-PN twaqqfu bis-saħħa tal-emendi fl-Istatut li ġew approvati aktar kmieni din is-sena.

Simon Busuttil qal li wasal iż-żmien li l-PN jibda jaġġorna l-politika tiegħu f’numru ta’ oqsma differenti u juri li beħsiebu jibqa’ fabbrika ta’ ideat ġodda għal pajjiżna. Żied jgħid li l-Policy Fora se jiftħu l-bibien tal-PN għal nies minn setturi differenti biex jgħidu lill-Partit kif iħossu li għandu jaġġorna u jadatta l-politika tiegħu. “Aħna lesti nilqgħu l-ideat u nagħmluhom parti mill-pożizzjonijiet politiċi tal-PN”, sostna Simon Busuttil.

L-10 Policy Fora huma dawn:
1. Viżjoni fit-tul għal pajjiżna
2. Ekonomija u Xogħol
3. Politika Soċjali
4. Edukazzjoni
5. Saħħa
6. Ambjent u Agrikultura
7. Kultura u Kreattività
8. Ġustizzja u Intern
9. Affarijiet Ewropej u Barranin
10. Għawdex

Fi stqarrija, il-PN qal li dawn il-gruppi huma miftuħin għal kulmin għandu ideat x’jaqsam u jiddiskuti. Mhux neċessarju li l-membri tal-gruppi jkunu Tesserati tal-Partit. Il-PN ħeġġeġ lil kull min jixtieq jifforma parti minn dawn il-gruppi biex jagħmel kuntatt mal-President tal-Kumitat Eżekuttiv Ann Fenech jew jibgħat email lil policyfora@pn.org.mt.