Lokali

Jinqabad b’aktar minn 400 għasfur mejjet

Raġel ta’ 37 sena mill-Imġarr qed jgħin lill-pulizija fl-investigazzjonijiet wara li fil-jiem li għaddew, uffiċjali tal-Wild Birds Regulation Unit, membri tad-Dwana u l-Pulizija waqfu l-importazzjoni b’kuntrabandu ta’ aktar minn 400 għasfur mejjet

L-Erbgħa passiġġier li kien għadu kif wasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minn Frankfurt ġibed l-attenzjoni ta’ membri tad-Dwana għax kien qed jaġixxi b’mod suspettuż.

Wara li saret spezzjoni fuq il-bagalja tal-individwu, instab li kellu numru ta’ għasafar mejta. Ir-raġel kien ġej lura minn vjaġġ għall-kaċċa fl-Arġentina.

Wara li ġew investigati l-bagalja u l-kontenut, ġie stabbilit li hemm 411 għasfur mejjet, li l-importazzjoni tagħhom hi ristretta.

Il-kunsinna kienet fost oħrajn tinkludi diversi speċi ta’ papri, ċinju, falkuni u kokki, bil-maġġoranza tagħhom ikunu protetti fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

Barra minn hekk, madwar 120 speċi huma protetti bil-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali ta’ Speċi ta’ Fawna u Flora Salvaġġi li huma fil-Periklu (CITES).

Ritratt: arkivji