Qorti

Seba’ snin ħabs wara li ammetta 33 akkuża dwar serq minn pompi tal-petrol

Glenn Debattista, ta’ 54 sena minn Santa Venera, kien ikkundannat seba’ snin ħabs wara li ammetta li seraq ftit madwar €13,000 fi flus kontanti minn ħames pompi tal-petrol differenti, kif ukoll attentat ta’ serq minn tliet pompi oħra. Quddiem il-Maġistrat Anthony Vella, Debattista kien mixli b’kollox u ammetta għal 33 akkuża.

Minbarra is-serq fuq il-pompi tal-petrol, Debattista ammetta li seraq għodda bil-valur ta’ madwar €4,000 minn ħanut tal-għodda f’Birkirkara, bl-għodda tintuża’ biex isir is-serq fuq il-pompi tal-petrol. Ammetta wkoll li seraq żewġ vetturi, serqa minnhom aggravata bi vjolenza, u li seraq pjanċi ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura oħra.

Minbarra dan is-serq, li seħħ bejn Settembru u Novembru 2011, Debattista nstab ħati wkoll li sar reċidiv minn diversi sentenzi mogħtija mill-Qrati tal-Maġistrati. L-investigatur ta’ dan il-każ kien l-Ispettur James Grech, filwaqt li l-Avukat Noel Bianco deher għal Debattista.