Ekonomija

Tensjoni politika vs riżultati ekonomiċi tajbin

Dik li kienet meqjusa bħala ġimgħa pożittiva fejn jidħlu riżultati ekonomiċi f’diversi pajjiżi, sfat imtappna minn ħafna nkwiet politiku madwar id-dinja. Is-swieq finanzjarji madwar id-dinja raw żidiet li immedjatament intilfu, hekk kif ħarġu aħbarijiet ta’ kunflitti ħarxa fil-Lvant Nofsani, fil-Libja u aktar inkwiet fl-Ukrajna. Ir-riżenja tal-Prim Ministru Ukren ukoll ma ħallietx effett pożittiv fuq is-swieq.

L-ekonomija fir-Renju Unit qed tkompli tirreġistra progress. Iċ-ċifri juru li ntlaħqu l-livelli ta’ qabel ir-riċessjoni finanzjarja. Dan jawgura tajjeb għar-Renju Unit u wassal biex l-Isterlina ssaħħet ma’ bosta muniti fl-aħħar jiem. Aktar sanzzjonijiet fuq ir-Russja jistgħu jwasslu biex diversi pajjiżi Ewropej li jesportaw lejn dan il-pajjiż-ġgant jintlaqtu ħażin. Fil-fatt, il-Ġermanja, li hu l-pajjiż Ewropew li l-aktar jesporta lejn ir-Russja, ra l-kunfidenza fl-industrija tonqos fl-aħħar jiem, bis-suq finanzjarju Ġermaniż (DAX) jitlef fil-valur.

Ir-Royal Bank of Scotland, li kien prattikament falla ftit snin ilu u ttieħed mill-Gvern, qed jirpilja u ħabbar profitti sostanzjali. L-ishma tiegħu raw żieda ta’ 14% fl-aħħar ġimgħat. Għall-kuntrarju ta’ bosta linji tal-ajru, Air France KLM rat titjib fil-profitti, li wassal biex l-ishma kienu aktar popolari u raw żieda ta’ 5% din il-ġimgħa. Kienet ġimgħa tajba ferm għad-Dollaru Awstraljan, li ra żieda kontra diversi muniti internazzjonali.

Il-kumpanija internazzjonali li tamministra is-sit popolari amazon.com irreġistrat anqas profitt minn kemm mistenni fl-ewwel xhur tal-2014. Minkejja li hu mbassar li jkollha dħul ta’ $20 biljun fit-tieni kwart tas-sena, diversi analisti stennew li l-bejgħ ikun xi ftit aħjar. S’issa, din is-sena, il-valur tal-ishma niżel b’aktar minn 10%.

British Sky Broadcasting (BSkyB) Group kompla jara n-numru ta’ klijenti tiegħu jikber. Il-bejgħ żdied b’5.5% fl-2014 s’issa. Jidher li hemm interess biex din il-kumpanija tixtri Fox Sky Italia u Sky Deutschland. BSkyB, li hi bbażata fl-Ingilterra, kellha żieda ta’ kważi 10% fl-2014 s’issa fil-valur tal-ishma. Hu stmat li din il-kumpanija għandha valur ta’ kważi Stg16 biljun.

Dan l-artiklu hu miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd | www.mpmci.net | tel 21493250

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.