Kunsilli Lokali Lokali

Tibdil fl-immaniġġjar tat-traffiku fil-Belt biex it-traffiku jkun aktar organizzat u jimxi aktar mgħaġġel

Bl-iskop li t-traffiku li jidħol il-Belt ikun aktar organizzat u jimxi b’mod aktar mgħaġġel, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta se jimplimenta sistemi ġodda li permezz tagħhom se jinbidlu d-direzzjonijiet tat-traffiku f’diversi żoni. Dettalji dwar dan it-tibdil ingħataw f’konferenza tal-aħbarijiet mis-Sindku tal-Belt Alexiei Dingli u l-Viċi Sindku Chris Micallef, li qalu li dan it-tibidl għandu jeffettwa b’mod pożittiv lir-residenti u anke lis-settur tan-negozju fil-Belt.

Din il-bidla se tkun implimenata mill-Ħadd li ġej, 27 ta’ Lulju, meta minn dakinhar se jkun hemm Uffiċjali tal-Infurzar ta’ Transport Malta li se jgħinu lis-sewwieqa fid-direzzjoniijiet il-ġodda. Mill-istatistika jirriżulta li fil-Belt jidħlu madwar 10,000 karrozza kuljum, filwaqt li hemm madwar 700 post ta’ parkeġġ riżervat għar-residenti u 3,000 post ta’ parkeġġ riservat għall-persuni l-oħra li jidħlu l-Belt.

Il-qofol ta’ din il-bidla hu d-dħul fil-Belt minn Triq San Mark, li minnha l-karrozzi jiġu fi Triq l-Irfran. Bis-sistema l-ġdida, il-vetturi li jitilgħu minn Triq San Mark issa se jkunu jistgħu jduru ‘l fuq fi Triq l-Ifran lejn il-Ġnien Hastings. Permezz ta’ din il-bidla, ir-residenti li jgħixu fiż-żona ta’ Hastings se jkunu qed jiffrankaw it-tidwir kollu li kellhom iduru sal-lum biex jaslu fiż-żona tagħhom. Fil-fatt, jirriżulta li vjaġġ ta’ 800 metru li kien isir qabel se jkun imnaqqas għal 200 metru.

Fl-aħħar ġimgħat, il-Kunsill Lokali tal-Belt waħħal sinjali ġodda tat-traffiku li għandhom jiggwidaw ukoll lis-sewwieqa fis-sistemi l-ġodda. Bidla oħra tolqot it-traffiku fi Triq Zekka, li minn issa ‘l quddiem se jinżlu biss vetturi żgħar. Permezz ta’ dawn il-bidliet, il-Kunsill Lokali tal-Belt se jkun qed itejjeb is-sistema ta’ traffiku f’wieħed mid-dħul ewlenin tal-Belt u għalhekk, issa, is-sistema għandha topera b’mod aktar organizzat.