Qed ikomplu jirriżultaw żidiet fl-iżbilanċ tal-Gvern, hekk kif id-differenza bejn id-dħul u n-nefqa kompliet tiżdied u d-defiċit għall-ewwel sitt xhur tal-2014 hu ta’ ftit aktar minn €265 miljun. Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li d-dħul tal-Gvern bejn Jannar u Ġunju żdied b’€106 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2013.
Madankollu, iż-żieda fin-nefqa kienet akbar (aktar minn €130 miljun), biex l-iżbilanċ kompla jiżdied b’€24 miljun. Iż-żieda fid-dħul rikorrenti tal-Gvern kienet dovuta, fost l-oħrajn, għaż-żieda ta’ €31 miljun fil-VAT u żieda ta’ €27.4 miljun f’kontribuzzjonijiet għas-Sigurtà Soċjali. Min-naħa l-oħra, kien hemm tnaqqis ta’ €6 miljun mid-dħul mid-Dwana u s-Sisa.
L-istatistika tal-NSO turi wkoll li ż-żieda fin-nefqa rikorrenti fl-ewwel sitt xhur tal-2014 hi dovuta għal żieda ta’ €66 miljun fi Programmi u Inizjattivi li jinkludu benefiċċji soċjali, il-feed-in tariff għal min juża’ l-pannelli u l-kontribuzzjoni lill-Iskejjel tal-Knisja. Taħt din in-nefqa hemm ukoll €3.2 miljun fl-iskema ta’ refużjoni fuq it-Taxxa ta’ Reġistrazzjoni fuq il-Karozzi.
In-nefqa fuq il-pagi tal-Gvern żdiedet bi kważi €25 miljun, li tirrifletti ċifri maħruġa mill-NSO stess aktar kmieni din il-ġimgħa li urew żieda ta’ 1,800 persuna taħdem mal-Gvern f’temp ta’ sena. Id-dejn tal-Gvern fl-aħħar ta’ Ġunju kien ta’ €5.484 biljun, jiġifieri żieda ta’ €438 miljun fuq Ġunju 2013.
Dan kien riżultat ta’ żieda ta’ self fit-tul bi kważi €380 miljun u żieda fis-self fl-immedjat ta’ €71 miljun.
//= $special ?>