Internazzjonali

Ħadd ma salva fit-traġedja tal-Air Algerie

Il-President Franċiż Francois Hollande qal li ħadd mill-116-il persuna abbord l-ajruplan tal-Air Algerie ma salva, wara li dan iġġarraf il-Ħamis waqt titjira mill-Burkina Faso lejn l-Alġerija.

Hollande ħabbar ukoll li waħda mill-kaxex is-suwed tal-ajruplan instabu wara li truppi Franċiżi rnexxielhom jaslu fil-post fejn iġġarraf qrib il-fruntiera tal-Mali mal-Burkina Faso.

Il-kuntatt mal-ajruplan intilef kmieni l-Ħamis ftit wara li l-bdoti ħabbru li kienu nqabdu f’maltempata kbira.

Minn dawk abbord l-ajruplan, 51 kienu Franċiżi.

Bit-traġedja tal-Air Algerie, fi żmien ġimgħa kien hemm tliet inċidenti tal-ajru kbar li swew il-ħajja ta’ 450 persuna. Ġimgħa ilu ġġarraf l-ajruplan tal-Malaysian Airlines fil-Lvant tal-Ukrajna, l-Erbgħa ġġarraf ajruplan tat-TransAsia Airways fit-Tajwan bi 48 persuna abbord u issa dan, tal-Air Algerie.

Il-Gvern Franċiż mhu qed jeskludi xejn fit-traġedja tal-Air Algerie għalkemm xeħet dubju fuq il-possibbiltà li dan twaqqa’ mir-ribelli fil-Mali. Bernard Cazeneuve, il-Ministru tal-Intern Franċiż, qal li l-ajruplan tfarrak meta ġġarraf mal-art u s-suspetti ewlenin huma li aktarx il-kawża kienet it-temp, għalkemm xejn ma kien eskluż.

Ilbieraħ fil-post waslu 100 suldat Franċiż appoġġjati minn 30 vettura. Dawn kienu parti minn forza li s-sena l-orħa ntbagħtet il-Mali biex tikkumbatti l-militanti Iżlamiċi hemmhekk.