Lokali

Ħames Maltin fil-Libja ma jafux kif se joħorġu mill-pajjiż

Ħames Maltin li jaħdmu il-Libja f’żona fid-deżert qed isibuha diffiċli biex jiġu lura f’pajjiżna.

Dan ikkonfermatu waħda mill-qraba tal-ħaddiema li spjegat ma’ dan l-istazzjon li membru tal-familja tagħha jixtieq jiġi Malta u qed isibha diffiċli biex jagħmel dan. Hi qalet li mhux il-Maltin kollha li għadhom il-Libja xtaqu li jibqgħu hemmhekk u spjegat li fil-każ tal-membru tal-familja tagħha hemm sfidi u perikli biex jasal fl-ajruport ta’ Mitiga minn fejn qabdu ajruplan il-Maltin li nġiebu Malta din il-ġimgħa.

Filwaqt li xtaqet tibqa’ anonima, hi għamlet ukoll appell lill-Gvern Malti.

Din il-mara spjegat li fiż-żona fejn jaħdem l-membru tal-familja tagħha hemm erba’ ħaddiema Maltin oħra. Hi qaltilna wkoll li l-membru tal-familja tagħha għandu l-passport għand il-kumpannija li jaħdem magħha għaliex hija proċedura li l-kumpannija iżomm l-passport sakemm ikunu qed jaħdmu magħha. Dan qed jagħmilha iktar diffiċli biex l-membru tal-familja tagħha jissogra jivvjaġġa għal sigħat twal biex jaqbad ajruplan jew kattamaran li jista’ jibgħat il-Gvern Maltin .

Iż-żona fejn jinsabu dawn il-Maltin jidher li għadha mhix milquta mill-ġlied rrapurtat fl-aħħar jiem. Madankollu, filwaqt li jekk dawn il-Maltin jivvjaġġaw jistgħu jiltaqgħu ma’ miliżji ribelli li fl-aħħar jiem diġa ħatfu ħaddiem Malti, jekk jibqgħu fid-dezert qed jibżgħu li se jiffaċċjaw sfidi oħra.

Intant, waqt il-programm il-Fatti Kollha fuq Radio 1-101, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Barranin, Carm Mifsud tkellem dwar il-ħidma strumentali tal-Oppożizzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u n-nuqqas ta’ trasparenza minn naħa tal-Gvern fil-każ tal-ħaddiem Malti li nħataf mill-miliżji ribelli.