Iċ-ċittadin m’għadx baqagħlu l-jedd li jħares id-drittijiet tiegħu dwar il-ħarsien tal-ambjent u lanqas m’hu qed ikun infurmat mill-MEPA dwar permessi fejn jidhlu applikazzjonijiet ta’ żvilupp.
Stephen Saliba, resident minn San Gwann u oġġezzjonant reġistrat saħaq dan f’konferenza tal-aħbarijiet u fisser kif hu tilef id-dritt li jappella minn deċizjoni biex tinbena binja ta’ seba’ sulari fi Vjal Żbibu, San Gwann. Dan għax hu ma kienx infurmat bil-permess mill-MEPA.
Hu spjega kif l-iżviluppatur issa ppreżenta dik li jgħidulha commencement notiċe, mingħajr ebda permess legali, sabiex jinbena blokk kbir ta’ appartamenti b’150 spazju taħt l-art għall-parkeġġ u 77 garaxx.
Stephen Saliba, flimkien ma’ Astrid Vella, il-koordinatriċi u kelliema tal-Fondazzjoni Ambjent Aħjar, fisser li l-bini ta’ din il-blokka se jwassal għat-twaqqigħ ta’ farmhouse li għandha madwar 200 sena, ta’ żewġ ħitan tas-sejjieħ, li wkoll imorru lura 200 sena, kif ukoll se jelimina fdalijiet arkejoloġiċi, fosthom torri tal-era Rumana.
Barra minn hekk xelter tat-Tieni Gwerra Dinjija li jinsab f’qaghda tajba ħafna, se jintlaqat minħabba dan l-iżvilupp.
Stephen Saliba jinsab urtat ħafna għall-fatt li hu ma rċieva ebda ittra mill-MEPA biex tinfurmah dwar il-permess.
Meta talab lill-MEPA dwar kopja ta’ ittra li hi qalet li bagħtitlu, il-MEPA baghtet ittra li dehret qisa nkitbet dak il-ħin u li ma kellhiex il-letterhead tal-MEPA u d-data tad-dokument kienet imħassra.
Il-Kunsill Lokali ta’ San Gwann, li wkoll xtaq li jkun notifikat dwar il-permess ghall-iżvilupp, ukoll ma rċieva l-ebda ittra.
Stephen Saliba ma jistax jifhem gġaliex iċ-ċittadin Malti qed ikun imċaġġad mid-drittijiet tiegġu u mhux qed ikun protett minn awtorita’ li suppost qiegġda hemm biex tiddefendi dawn l-istess drittijiet.
Astrid Vella qalet li ċ-ċittadin qed ikun injorat u mhux qed ikun avzat bi proposti ta’ żvilupp u sostniet li, f’daqqa waħda, wieħed qed jara deċizjonijiet mhux eżekuttivi li m’għandhom ebda saħħa legali. Hi qalet li m’hemm ebda sforz mill-MEPA biex tirrispetta l-liġi u meta wieħed iqum biex jiddefendi l-wirt kulturali, qed iħabbat wiċċu ma’ diversi fares.
//= $special ?>
