Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika kkonfermaw żieda allarmanti ta’ 10% fid-defiċit tal-Gvern. Xahar wara xahar, il-Gvern qiegħed iżid in-nefqa tiegħu mingħajr ma jżid bl-istess rata d-dħul biex jagħmel tajjeb għal din iż-żieda. Dan qed ipoġġi l-qagħda finanzjarja tal-pajjiż f’periklu.
Fi stqarrija maħruga mill-Kelliem għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar Mario de Marco, mill-Kelliem għall-Finanzi Tonio Fenech u mill-Kelliema għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Kompetittivita’ Kristy Debono saħqu li bejn Jannar u Ġunju, l-ispiża tal-pagi tas-settur pubbliku kibret b’€25 miljun. Dan jorbot maċ-ċifra l-oħra ppubblikata din il-ġimgħa li turi kif il-ħaddiema fis-settur pubbliku żdiedu b’madwar 1,500 meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet. Din hija żieda li jrid iħallas għaliha kull taxpayer.
L-istqarrija tkompli li li minkejja l-assigurazzjoni tal-Gvern li n-nefqa pubblika hija taħt kontroll, jidher ċar li l-Gvern qiegħed jitlef ir-riedni tal-finanzi. Dan qed iwassal biex qed ikompli jikber id-dejn pubbliku minkejja l-ħafna wegħdi tal-Partit Laburista li se jnaqqas id-dejn. Minflok, id-dejn qed jiżdied b’rata mgħaġġla.
Dan se jkollu wkoll effetti negattivi, inkluż il-periklu ta’ passi ulterjuri mill-Unjoni Ewropea – li diġa’ ordnat lill-Gvern inaqqas id-defiċit u d-dejn, jekk pajjiżna ma jilħaqx il-miri fiskali.
L-istqarrija tikkonkludi li quddiem dawn iċ-ċifri, l-Gvern għandu jgħid x’passi qed jieħu u se jieħu biex iġib is-sitwazzjoni finanzjarja lura taħt kontroll.
//= $special ?>