Ilbieraħ filgħaxija, d-Deputati tal-Partit Nazzjonalista kienu l-uniċi Deputati fil-Parlament li ddefendew l-interessi nazzjonali fil-vot dwar il-liġi, li permezz tagħha, l-Korporazzjoni Enemalta ġiet xolta u konsegwentament, inbeda l-proċess tal-privatizzazzjoni tal-istess Korporazzjoni. Rappreżentant tal-poplu fil-Parlament ma jista’ qatt jivvota favur liġi li tfisser it-tradiment u pass fil-għama għall-ħaddiema u għall-konsumaturi Maltin u Għawdxin.
Fi stqarrija l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għarblet bir-reqqa l-kontenut tal-abbozz ta’ liġi mressaq mill-Gvern, u d-deċiżjoni li tivvota kontra ttieħdet waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari.
Bil-liġi preparata mill-Prim Ministru Joseph Muscat u mill-Ministru Konrad Mizzi, issa, l-Gvern Malti tilef il-kontroll tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’pajjiżna. Mhux hekk biss, iżda l-istess Muscat tradixxa lill-ħaddiema kollha tal-Enemalta, li qabel l-aħħar elezzjoni wegħdhom li ma kienx se jipprivatizza l-Korporazzjoni.
Madanakollu, l-aktar punt kruċjali li wassal l-Oppożizzjoni biex tivvota kontra din il-liġi huwa l-fatt li l-Gvern baqa’ jinsisti li jaħbi l-ftehim li ffirma mal-kumpanija ElectroGas u l-Memorandum of Understanding mal-kumpanija Shanghai Electric.
Id-Deputati Nazzjonalisti ma setgħu qatt jivvutaw favur liġi marbuta ma’ żewġ ftehim importanti li lanqas biss jafu x’fihom.
Il-Partit Nazzjonalista kkonkluda billi fakkar li fi sbatax-il xahar, l-Oppożizzjoni vvutat kontra biss 3 liġijiet, li huma din tal-Enemalta, l-liġi li kienet tippermetti l-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija, u l-liġi li permezz tagħha, Deputati fil-Parlament setgħu jkunu wkoll fuq Bordijiet pubbliċi.
Fl-istess perjodu, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ppreżentat 16-il Mozzjoni u Private Members’ Bill fl-interess nazzjonali.
//= $special ?>