L-Istat ta’ Kalifornja qed jintlaqat minn nixfa kbira li qed teffettwa ħażin ħafna lis-settur agrikolu.
L-Istat Amerikan bl-akbar popolazzjoni jinsab fit-tielet sena ta’ nixfa kbira u tant isserjat il-problema li hemm komunitajiet li qed jissugraw li jispiċċaw mingħajr provvista tal-ilma. Barra minn hekk, eluf ta’ ħaddiema qed jissugraw li jitilfu l-impjieg fis-settur agrikolu hekk kif il-bdiewa qed iħabbtu wiċċhom ma’ telf ta’ 1.7 biljun dollaru.
Din is-sena qed titqies bħala l-aktar sena li fiha ma niżlitx xita f’Kalifornja f’kemm ilhom jinżammu ċ-ċifri.
Għalkemm il-bdiewa fl-istat ma tantx jiddependu mix-xita biex isaqqu, għaliex aktar jiddependu mill-ilma mingħand il-Gvern, anki hawn il-provvista naqset sew. Tul Lake Mead, il-livell tal-ilma naqas sew u l-awtoritajiet qed iwissu li dan jista’ jeffettwa mal-40 miljun persuna sal-2017 jekk is-sitwazzjoni ma titjiebx.
L-awtoritajiet qalu li 81 fil-mija tal-istat għaddej minn nuqqas kbir ta’ ilma minħabba n-nixfa li hemm u l-Gvern Amerikan alloka 9.7 miljun dollaru bħala għajnuna lil dawk li jgħixu f’postijiet imwarrba biex ikollhom aċċess għal provvista ta’ emergenza ta’ ilma. Dan apparti fondi oħra allokati mill-Istat ta’ Kalifornja.
//= $special ?>

