Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil appella lill-Gvern fil-każ tal-kriżi fil-Libja jagħraf x’inhu l-interess nazzjonali, ikollu prijoritajiet tajbin u jerfa’ r-responsabbilta tiegħu li jiggverna dan il-pajjiż.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għamel dan l-appell waqt intervent fil-programm Focus 101 li xxandar dalgħodu fuq Radio 101.
Simon Busuttil saħaq li l-Gvern mhux qed jinforma lill-poplu Malti b’xejn u staqsa għalfejn fl-istess nifs li l-Ministru George Vella kien qed jgħid li ma għandniex inkabbru l-affarijiet pajjżi oħra kienu qed jevakwaw lin-nies tagħhom.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrefera għall-każ ta’ Martin Galea – il-persuna Maltija maħtufa fil-Libja – u saħaq li anke f’dan il-każ il-gvern ma weriex trasparenza tant li l-Oppożizzjoni saret taf biss mill-mezz tax-xandir. L-istess Gvern li ħass li kellu jagħmel konferenza tal-aħbarjiet għal roħs ta’ 2c fil-petrol ma ħassx li għandu jagħmel konferenza tal-aħbarijiet fuq il-każ tal-persuna maħtufa. Għall-kuntrarju l-Prim Ministru kien imsiefer u għażel li ma jiġix lura qal Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN silet id-differenza bejn il-mod kif mexa l-Gvern taħt amministrazzjoni Nazzjonalista u kif qed jimxi dan il-Gvern. Fl-eqqel tal-kriżi tal-Libja fl-2011 il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi kien jikkomunika u jinforma lil Joseph Muscat kważi kuljum b’dak li qed jiġri mentri llum dan mhux isir.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jittama li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella jmur il-Libja mill-iktar fis possibbli biex juża l-kuntatti diplomatiċi kollha fi sforz biex tinħeles il-persuna mitlufa u biex pajjiżna jkun viċin il-poplu Libjan.
Fi tmiem l-intervent tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni wiegħed l-appoġġ tal-Oppożizzjoni lill-Gvern u saħaq li huwa fl-interess tagħna wkoll li l-Libja terġa’ tqum fuq saqajha mill-iktar fis possibbli.
Segwi l-filmat
//= $special ?>