Dawk li ta’ sikwit f’dawn il-jiem sbieħ tas-Sajf jiffrekwentaw il-bajja pittoreska tal-Ġnejna, fl-Imġarr, qed ikollhom jaffaċċjaw quddiem wiċċhom tinda enormi li ntramat propju fuq il-bajja.
Dan minbarra li parti mill-bajja qed tintuża bħala estensjoni tal-parkeġġ ewlieni li mhux jiflaħ l-influss ta’ Maltin u turisti li jagħżlu propju din il-bajja għall-għawm.
Kienu ħafna li fl-aħħar jiem ikkuntattjawna propju biex jilmentaw dwar il-fatt li s-sidien okkupaw parti minn din il-bajja b’tined kbar b’tali mod li l-pubbliku nġenerali ma jistax igawdi dan il-post pubbliku.
Il-Bajja tal-Ġnejna, kif ukoll il-wied naturali li jdawwarha huma mniżżla bħala siti ta’ protezzjoni naturali. Għalhekk dak li qed jiġri f’din il-bajja jmur sfaċċatament kontra l-liġijiet ambjentali f’pajjiżna.
Fid-dawl ta’ dan, dan is-sit hu nfurmat li l-Kunsill Lokali u l-Korp tal-Pulizija għaddejjin b’ħidma biex din it-tinda enormi titneħħa mill-bajja. Ninsabu nfurmati li fil-jiem li ġejjin mistennija jsiru laqgħat mas-sidien ta’ din it-tinda biex jinstabu soluzzjonijiet ulterjuri u din it-tinda titneħħa mill-bajja biex b’hekk dan il-post pubbliku jkun jista’ jibda jitgawda mill-Maltin u turisti li jqattgħu s-Sajf propju f’dan il-post.
//= $special ?>