Daniel Ricciardo fuq Red Bull qabeż lil Fernando Alonso fuq Ferrari fl-aħħar dawriet tal-Grand Prix tal-Ungerija biex kiseb it-tieni rebħa f’dan l-istaġun u t-tieni waħda mill-karriera tiegħu, fi Grand Prix mill-iktar interessanti u emozzjonanti.
Il-Brittaniku Lewis Hamilton li kellu jibda mill-pit lane minħabba li kkraxxja fil-provi finali ta’ kwalifikazzjoni tas-Sibt, kellu tellieqa mill-aqwa fejn irnexxielu jitla fuq il-podium u jikseb it-tielet post. Il-leader tal-klassifika il-Ġermaniż Nico Rosberg minkejja li telaq mill-pole u kien mistenni li jiddomina dan il-Grand Prix kellu jikkuntenta biss bir-raba’ pożizzjoni anki jekk hu xorta waħda żamm l-ewwel post fil-klassifika.
L-Awstraljan Ricciardo fir-raba’ sena fil-Formula 1, għamel tliet pit stops, kontra t-tnejn li għamel kemm Fernando Alonso kif ukoll Lewis Hamilton. Il-mossa tat-tielet pit stop ħalliet il-frott mixtieq mir-Red Bull ta’ Ricciardo għaliex b’tyres ġodda seta’ jagħmel id-differenza u tliet dawriet mit-tmeim irnexxielu jitla’ fl-ewwel post biex kiseb rebħa mill-aqwa.
“It-tyres kienu determinanti” qal Ricciardo fl-ewwel kummenti tiegħu. “L-aħħar dawriet kienu verament emozzjonanti. Issa se niċċelebra bil-kbir mhux biss illejla, iżda se nieħu ftit ġranet ta’ mistrieħ.”
Ricciardo rebaħ l-ewwel Grand prix f’Montreal il-Kanada f’Ġunju li għadda. Fil-klassifika issa Nico Rosberg għandu 202 punt kontra l-191 punt ta’ Lewis Hamilton, filwaqt li l-istess Daniel Ricciardo issa għandu 131 punt u jinsab fit-tielet post.
Minkejja l-prestazzjoni mill-aqwa ta’ Hamilton, il-polemika fi ħdan it-tim ta’ Mercedes ma naqsitx. Dan għaliex it-tim Mercedes qal lil Hamilton biex iħalli lil Rosberg jaqbżu, xi ħaġa li s-sewwieq Brittaniku m’għamilx. “Kont veramnent ixxukjat kif smajt l-ordni tat-tim biex inħalli lil Rosberg jaqbiżni. Veru li Rosberg resaq qrib tiegħi iżda jien ma ridtx nitlef mill-mira tiegħi lil Ricciardo u Alonso”. Hamilton temm jgħid li l-ordni biex iħalli lil Rosberg jaqbżu kienet xi ftit stramba.
Għal Lewis Hamilton din kienet it-tieni darba din is-sena li hu beda mill-pit lane iżda xorta waħda spiċċa fuq il-podium. Fil-Grand Prix tal-Ġermanja l-ġimgħa l-oħra Hamilton ukoll beda mill-pit lane iżda wkoll kiseb it-tielet post.
Hamilton qal li l-wirjiet tiegħu fl-aħħar żewġ Grand Prixs taw sodisfazzjon iktar milli kieku rebaħ il-Grand Prix.
Xi ftit tas-sodisfazzjon għal Ferrari wkoll fejn it-tieni post ta’ Fernando Alonso kien ifisser li s-sewwieq Spanjol hu l-uniku sewwieq din is-sena li dejjem kiseb punti. Għal Alonso dan kien it-tieni podium din is-sena wara t-tielet post miksub f’Shanghai fiċ-Ċina. “Ninsab ferħan bil-prestazzjoni tiegħi u tal-vettura. Probabli li din tkun waħda mill-ftit podiums din is-sena għalina” temm jgħid b’awto kritika Fernando Alonso.
Qabel il-grand prix tal-llum għamlet ħalba xita li għamlet din it-tellieqa ferm iktar eċċitanti u spettakolari fejn għadd ta’ sewwieqa tilfu l-kontroll tal-vettura tagħhom wara ħabtiet, fejn fost l-oħrajn Sebastien Grosjaen u Kamui Kobayashi kellhom jirtiraw u kellha wkoll tidħol is-safety car.
Issa l-kampjonat tal-formula 1 ikollu l-waqfa tradizjonali tas-sajf fejn il-grand prix li jmiss ikun dak tal-Belġju fis Spa Francorchamps fl-24 ta’ Awwissu.
//= $special ?>