Lokali

Idaħħlu mejta 29 imma mietu 181

Idaħħlu mejta 29 immigrant imma mietu 181. Hekk tgħid storja fil-gazzetta Il-Mument b’rabta ma’ waħda mill-aħħar traġedji ta’ l-immigrazzjoni rregolari fil-Mediterran, traġedja li seħħet fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Storja li s’issa dwarha l-aktar fatt magħruf huwa li dawk li tilfu ħajjithom ħafna minnhom mietu maqbuda fl-istiva filwaqt li xi oħrajn inqatlu b’daqqiet ta’ arma bil-ponta u bi bsaten. Ir-rakkonti ħerġin minn dawk li salvaw u llum jinstabu fi Sqallija iżda juru realta’ oħra. Realta’ ferm aktar drammatika u traġika.

“Fuq dik id-dgħajsa konna 750, li minnhom salvajna 569. Il-kumplament, mal-181, mietu, ħafna minnhom mgħarrqa hekk kif kienu qrib il-bastiment merkantili Daniz ‘Torm Lotte’ li kien qiegħed jgħin fil-ħidma ta’ salvataġġ. Fost il-mejta kien hemm ħafna tfal”. Hekk saħaq wieħed minn dawk li rnexielhom isalvaw u llum jinstab fi Sqallija.

Immigrant ieħor, Sirjan minn naħa tiegħu saħaq, “Ħafna minn dawk li kien fl-istiva, kollha suwed, inqatlu b’daqqiet ta’ armi bil-ponta, maqtula minn oħrajn suwed li ma riduhomx joħorġu mill-istiva minħabba li fuq barra ma kienx hemm spazzju”.

Il-Mument tgħid kif l-istess immigrant jirrakonta b’dulur kbir il-mewt ta’ ibnu Mohammed li spiċċa mgħormi l-baħar. Jgħid li l-ġid ta’ ibnu kien fattur kbir fid-deċiżjoni tiegħu u ta’ martu li jaħarbu mis-Sirja.

L-istorja f’Il-Mument tiżvela kif abbord id-dgħajsa kien hemm ħafna ċittadini Għarab; avukati, inġiniera u professjonisti oħra li kienu f’pożizzjoni li jħallsu bejn elf u elfejn Dollaru Amerikan biex jieħdu l-aħjar post fuq id-dgħajsa. Il-kumplament, Afrikani, ħallsu bejn mitejn u ħames mitt dollaru Amerikan u kienu miżmuma magħluqin fl-istiva għall-ħsejjes tal-magna, ir-riħa tad-diesel u is-sħana insapportabbli u li toqtol jew tħallik bla nifs.

Kienu dawn l-immigranti li rrebelaw u provaw joħorġu mill-istiva. Dwar dan il-każ il-Pulizija Taljana arrestat ħames traffikanti, akkużati bi qtil aggravat- Palestinjan, Sirjan, ieħor mill-Arabja Sawdija u żewġ Marokkini. Waqt li qegħdin jinżammu arrestati għadu mhux magħruf taħt liema ġurisdizzjoni u taħt liema liġi se jkunu akkużati permess li l-każ seħħ fl-ibħra internazzjonali ta’ bejn Malta u Sqallija.

U fi żvilupp ieħor fil-każ l-investigaturi Taljani qed jitolbu li jispezzjonaw id-dgħajsa li tinsab Malta u jkollhom aċċess għar-riżultati tal-awtopsja tal-immigranti li issa se jibdew jindifnu f’Malta.