Il-cruise liner Taljan Costa Concordia jinstab fil-port ta’ Ġenova fejn f’ħidma li mistennija ddum madwar sentejn ser jiġi skrapjat. Dan hekk kif wasslet fi tmiema il-ħidma sabiex il-Costa Concordia li ħabat ma’ sikka fil-gżira Taljana ta’ Giglio f’Jannar 2012 sa fl-aħħar tneħħa mill-post ta’ l-inċident. Inċident li fih tilfu ħajjithom 32 persuna.
Il-ħidma sabiex il-Costa Concordia issa jinstab Ġenova qegħda tiġi meqjusa minn ħafna bħala fost l-akbar operazzjonijiet ta’ salvataġġ marittimu li qatt kien hawn.
Il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi mistenni jkun f’Ġenova aktar tard sabiex jara parti mill-ħidma li ser tkun qegħda ssir mal-wasla tal-cruise liner fil-port Taljan. Huwa faħħar il-ħidma ta’ salvataġġ u qal li din turi li l-Italja kapaċi tikseb il-miri li tagħmel.
Il-Costa Concordia kien varat disgħa snin ilu mill-istess port ta’ Ġenova fost ħafna ċelebrazzjonijiet.
//= $special ?>

