Lokali

Il-Gvern għandu jassigura li jkun hemm investiment privat fil-faċilitajiet għall-films fir-Rinella

Fi stqarrija maħruġa mill-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Kultura u l-Komunikazzjoni Francis Zammit Dimech il-Partit Nazzjonalista laqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li l-Gvern rebaħ il-kawża kontra l-kumpanija Mediterranean Film Studios li kienet qed tokkupa r-Rinella Film Facilities. Fil-fatt, din il-kawża nfetħet mill-Gvern Malti numru ta’ snin ilu, iżda s-sentenza fil-Qorti tal-Appell ingħatat aktar kmieni din il-ġimgħa.

F’dan l-istadju, l-Partit Nazzjonalista qal fl-istqarrija li qiegħed jappella biex minnufih, il-Gvern jassigura li f’dan is-sit, ikun hemm investiment privat li jieħu l-inizjattiva u jirrijabilita’ dan is-sit li għandu potenzjal enormi.

Fl-aħħar snin, pajjiżna għamel passi ta’ ġgant fis-settur tal-films, b’diversi produzzjonijiet internazzjonali jiġu ffilmjati Malta. Issa jmiss li l-Gvern ikompli jinvesti f’dan is-settur, li kapaċi joħloq reklamar importanti ħafna ta’ pajjiżna ttemm tgħid l-istqarrija.