Lokali

Is-sitwazzjoni tal-Malti maħtuf fil-Libja waħda kritika

Il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar kkonferma mal-ġurnalisti dalgħodu li l-qagħda ta’ Martin Galea, il-Malti maħtuf fil-Libja, hi waħda kritika.

Din id-dikjarazzjoni Mario Cutajar għamilha waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja fil-11 ta’ dalgħodu li fiha tkellem dwar iċ-Ċentru ta’ Kriżi li waqqaf il-Gvern biex jitratta s-sitwazzjoni tal-Libja jekk din tiggrava.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar is-sitwazzjoni tal-Malti maħtuf fil-Libja, il-Kap ta-ċivili qal biss ‘ejja nħalluhom jaħdmu’ u ma speċifikax jekk il-Malti għadux ħaj għalkemm sostna li qed isiru diskussjonijiet. Mistoqsi jekk hemmx pajjiżi barranin li qed jgħinu lil Malta f’din is-sitwazzjoni Mario Cutjar ma weġibx kif ma weġibx ukoll jekk bħalissa hawnx politiċi Libjani li qed jingħataw kenn mill-kriżi tal-Libja.

Għal mistoqsija għaliex il-Gvern għamel konferenza tal-aħbarijiet il-Ħadd filgħodu mingħajr avviż minn qabel biex jitkellem dwar iċ-Ċentru ta’ Kriżi, Mario Cutajar ċaħad li din il-konferenza saret għaliex fl-aħħar siegħat seħħu xi avvenimenti importanti u kkummenta biss li huma jaħdmu wkoll il-Ħadd.

Dwar iċ-Ċentru ta’ Kriżi, Mario Cutajar qal li dan hu kompost mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, mill-Ministeri għall-Intern, tas-Saħħa, tal-Affarijiet Barranin u tal-Familja, mill-AFM u mill-Pulizija. Dan iċ-Ċentru qed jiltaqa kuljum biex jara kif qed tevolvi s-sitwazzjoni fil-Libja u biex ikompli jaġġusta l-pjan li tħejja f’każ li l-kriżi teskala.

Mario Cutajar qal li kien identifikati postijiet fejn jinżammu l-persuni li jiġu mil-Libja jekk teskala l-kriżi u anki postijiet fejn jistgħu jitpoġġew tined apposta. Dan filwaqt li diġa’ saru arranġamenti fl-Isptar Mater Dei biex jintlaqgħu l-midruba li jistgħu jiġu waqt li l-awtoritajiet tal-post għamlu wkoll pjan fejn jitrakkaw il-vapuri f’każ li jiġu mil-Libja.

Mario Cutajar tkellem dwar l-Ambaxxata Maltija fil-Libja u qal li din bħalissa għad hemm fiha l-Ambaxxatur u żewġ konsli. Fil-Libja bħalissa hemm 100 Malti li jinsabu hemm fuq għażla tagħhom għalkemm il-Gvern Malti jaf min huma u anki fejn jinsabu. Dwar l-evakwazzjoni, il-Kap taċ-Ċivil sostna li l-ebda pajjiż tal-UE għadu ma evawka n-nies u deċiżjoni dwar l-evakwazzjoni tittieħed kolletivament mill-membri kollha tal-UE. Mario Cutajar sostna li t-titjiriet mil-Libja lejn Malta huma kummerċjali u għalhekk il-Maltin iridu jħallsu kif isir normali.

Mistoqsi dwar iż-żewġ Libjani li walsu l-lejl li għadda mil-Libja, Mario Cutajar qal li wieħed minnhom hu f’qgħada kritika.

Intant fi stqarrija maħruġa aktar tard matul il-jum il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel appellat lill-Gvern biex ma jżidx il-piżijiet fuq l-infemriea fl-isptar Mater Dei, partikolarment fid-Dipartiment tal-Emerġenza li jista jakkomoda biss 20 pazjent fl-20 sodda li hemm.

Il-union tal-infermiera qalet li Malta m’għandiex terġa tħallas spiża għolja f’għajnuna lil-Libja kif diġa għamlet fil-passat u li l-pazjenti Libjani għandhom jintbgħatu f’pajjiżi oħra li għandhom iktar riżorsi minn Malta.

Paul Pace il-President tal-MUMN qal li l-problema fl-Isptar Mater Dei mhix in-nuqqas ta’ sodod iżda n-nuqqas ta’ infermeira speċjlaizzati għaliex l-infermiera mhux speċjalizzati ma jistgħux jassistu lill-pazjenti fl-ITU.