Ingliż ta’ 57 sena u li huwa accountant tressaq illum b’urġenza l-Qorti quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli mixli li flimkien ma’ tliet Ingliżi oħra li jgħixu f’pajjiżjom kien involut fi frodi u ħasil ta’ flus li jlaħħaq is-seba’ miljun ewro. James Brian Mackenzie Hawden, residenti tas-Sliema ġie mixli li fl-1 ta’ Novembru tas-sena 2008 u fis-snin ta’ qabel kien jitrasferixxi flus minn u lejn l-Ingilterra li kienu għaddejjin permezz ta’ attivita’ kriminali.
L-Avukati ta’ Hawden, Franco Debono u Marion Camilleri ma għamlux talba għal liberta’ proviżorja, anke wara li ħareġ li l-akkużat kienu ilu jiġi mfittex mill-Pulizija għal diversi snin fuq dan il-każ. Tliet Ingliżi, missier u ż-żewġt uliedu kienu għaddew ġuri f’pajjiżhom u kienu kkundannati numru ta’ snin il-ħabs wara li nstabu ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.
Hemm il-probabbilita’ kbira li Mackenzie Hawden jgħaddi wkoll ġuri f’Malta. Huwa ġie mixli li kien jikkontrolla jew jitrasferixxi propjeta’ meta kien jaf li din ġejja minn attivita’ kriminali u li għen persuni li huma midħla ta’ din l-attivita’ lleċita’ u li anke kellhom x’jaqsam ma’ trasferimenti llegali ta’ ishma, bejn Malta u l-Ingilterra, u li akkwista propjeta’ llegali li kienet ġejja minn flus maħmuġin.
Fil-kumpilazzjoni l-Pulizia mistennija tippreżenta emails u dokumentazzjoni biex tissostanzja l-akkużi tagħha filwaqt li huwa mifhum li l-akkużat għen ukoll lill-Pulizija dwar dan i-każ. Huwa mifhum li bejn il-partijiet kienu jgħaddu flus li ġejjin ukoll minn ishma bejn Malta u l-Ingilterra. Il-Prosekuzzjoni qed titmxxa mis-Supretendent Paul Vassallo u l-Ispettur Ray Aquilina.
//= $special ?>
