Futbol Sport

Inter u Manchester United jirbħu

Inter għelbu lil Real Madrid wara l-għoti tal-penalties, filwaqt li f’logħba oħra Manchester United għelbu lil Roma 3-2.

Real Madrid kellhom bidu tajjeb kontra Inter u wara li Gareth Bale laqat il-lasta b’daqqa ta’ ras wara biss tliet minuti, kien l-istess Gareth Bale li fetaħ l-iskor għal Real Madrid.

Inter kisbu d-draw fit-tieni taqsima permezz ta’ penalty skorjat minn Icardi. L-iskor baqa’ ma nbidilx biex il-logħba kellha tmur għall-għoti tal-penalties. L-ewwel penalty ta’ Real mogħti minn Izco kien salvat minn Carrizo ta’ Inter li tajjar il-ballun għal mal-lasta. Vidic skorja l-penalty tiegħu l-istess kif għamel Vasquez. Nagatomo falla għal Inter biex l-iskor sar 1-1 wara żewġ penalties kull wieħed.

Real fil-vantaġġ permezz ta’ Nacho Fernandez li skorja t-tielet penalty u M’Vila falla l-penalty tiegħu li ħabat mal-lasta. Illarramendi ra r-raba’ penalty salvat mill-gowlkeeper ta’ Inter, u Juan Jesus għamel l-iskor 2-2 wara -raba’ penalty. Mascarel fall l-aħħar penalty ta’ Real meta xeħet il-ballun barra, biex l-attakkant Icardi issiġilla r-rebħa ta’ Inter meta skorja l-ħames u l-aħħar penalty.

F’logħba oħra Manchester United għelbu lil Roma 3-2 wara li r-red Devils bnew vantaġġ ta’ 3-0 sa tmiem l-ewwel taqsima.

Wara bidu tajjeb minn Roma kienu Manchester United li marru fil-vantaġġ b’gowl tajjeb ta’ Wayne Rooney wara azzjoni personali. Juan Mata skorja t-tieni gowl fid-39 minuta u qabel intemmet l-ewwel taqsima l-akkwist il-ġdid ta’ Roma Emanuelson ikkometta fawl fuq Welbeck u mill-11-il metru kien Rooney li skorja t-tieni gowl personali tiegħu.

Fit-tieni taqsima ż-żewġ kowċis għamlu għadd ta’ tibdiliet bit-tim ta’ Roma jagħmel l-iskor iktar rispettabbli l-ewwel b’gowl mill-isbaħ ta’ Pjanic u wara minn penalty skorjat mill-captain Francesco Totti.