Il-waqfien mill-ġlied fil-Lvant Nosfani ftit li xejn jidher li qed ikollu suċċess hekk kif militanti tal-Ħamas sparaw bosta rockets kontra Iżrael minkejja dikjarazzjoni mill-grupp militanti li kienu ser josservaw perjodu ta’ waqfien mill-ġlied.
Minn naħa tiegħu l-Prim Ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu qal li forzi ta’ Iżrael ser jagħmlu dak kollu meħtieġ għad-difiża tal-poplu. Huwa xejjen id-dikjarazzjoni tal-Ħamas u qal li l-grupp militanti Palestinjan l-anqas jirispetta d-dikjarazzjoni tiegħu stess.
Aktar kmieni…
Il-grupp militanti Palestinjan Ħamas fl-aħħar minuti ħabbar li kien qiegħed jaċċetta waqfien mill-ġlied għal 24 siegħa. Il-Ħamas għamlu din id-dikjarazzjoni ta’ waqfien mill-ġlied wara li Iżrael reġa beda l-operazzjonijiet militari f’Gaza wara li ġew sparati numru ta’ rockets lejn Iżrael minn militanti ta’ l-istess Ħamas.
Aktar kmieni…
Il-Militar tal-istat ta’ Iżrael ħabbar dalgħodu permezz ta’ messaġġ fuq Twitter li kienu ser jerġaw jibdew l-operazzjonijiet militari f’Gaza wara li l-militanti Palestinjani tal-Ħamas komplew jisparaw aktar rockets lejn Iżrael.
Iżrael kien aċċettta talba tan-Nazzjonijiet Uniti għal waqfien mill-ġlied ta’ 24 siegħa liema talba l-kabinett ta’ Iżrael kien aċċetta li jġedded sa nofs il-lejl. Iżda minn naħa tagħhom il-Ħamas ma aċċettawx din it-talba u saħqu li kienu lesti jieqfu mill-ġlied biss jekk it-truppi ta’ Iżrael iħallu Gaza.
Fil-kunflitt s’issa diġa tilfu ħajjithom mal-elf Palestinjan u 46 persuna mill-Iżrael. Uffiċjali Palestinjani saħqu li l-maġġoranza tal-mejta huma ċivili.
//= $special ?>

