Sport Sport Ieħor

Nathan Lee Xuereb jersaq viċin rebħ ta’ midalja

Fil-Logħob tal-Commonwealth, it-tiratur żgħażugħ Malti Nathan Lee Xuereb resaq ferm viċin li jirbaħ il-midalja tal-bronz meta tilef il-final għat-tielet u r-raba post kontra l-Indjan Mohd fil-kompetizzjoni double trap.

William Chetcuti naqas milli jgħaddi għas-semi finali meta spiċċa fis-seba’ post meta laqat total ta’ 125 plattina. Is-sitt tiraturi li għaddew għas-semi finali kienu Mohd tal-Indja li laqat 135 fl-ewwel fażi, fejn kien segwit minn Indjan ieħor Mittar li laqat 132, l-istess kif laqtu l-Ingliżi French u Scott. Nathan Lee Xuereb kiseb il-ħames post fl-ewwel fażi meta laqat 131, u fis-sitt post spiċċa l-Awstraljan Turner li laqat 128. Warajhom William Chetcuti li b’125 plattina kien eliminat.

Fis-semi finali fuq 30 plattina, Mohd, French u Scott laqtu 27 plattina kull wieħed, segwiti minn Nathan Lee Xuereb li laqat 26. Mittar u Turner kienu eliminati filwaqt li kien jinħtieġ shoot off bejn l-ewwel tlieta biex ikunu magħrufa iż-żewġ finalisti.

Wara x-shoot off kienu l-Ingliżi French u Scott li kkwalifikaw għal finali għad-deheb u l-fidda filwaqt li Mohd kellu jilgħab għall-bronz ma’ Nathan Lee Xuereb. L-Indjan kien iktar preċiż minn Xuereb fil-logħba għal bronz meta laqat 26 kontra l-24 plattina milquta minn Xuereb, li xorta waħda kellu prestazzjoni mill-aqwa.

Il-midalja tad-deheb intrebħet minn Steve Scott li f’final kollha Ingliża għeleb lil Matthew French 30 għal 29.