Kunsilli Lokali Lokali

Rabja fost bosta kunsilliera u Viċi Sindki Laburisti

Id-deċiżjoni tal-gvern Laburista li jħassar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali sas-sena 2019 qegħda tkompli tiġġenera aktar rabja u diżgwid fi ħdan il-Partit Laburista.

Storja fil-gazzetta Il-Mument tiżvela kif huma bosta l-kunsillieri u Viċi Sindki Laburisti li meta tkellmu ma’ Il-Mument ilmentaw dwar din id-deċiżjoni. Deċiżjoni li fi kliemhom ser tnaqqar mid-dritt demokratiku taċ-ċittadin li jivvota għal ġid tal-lokalita’.

Dawn il-kunsillieri u viċi sindki Laburisti saħqu li f’ċertu lokalitajiet fejn il-kunsill hemm problemi fit-tmexxija u mhux qed jimxi sew, bid-deċiżjoni tal-Prim Ministru se jibqa kollox staġnat u bl-affarijiet mhux se jinbidlu. L-istess kunsillieri qegħdin jissuġerixxu li jekk hemm ħtieġa ta’ postponiment dan għandu jkun għas-sena 2016 u mhux għas-sena 2019.

Rabja wkoll fost l-Assoċazzjoni tal-Kunsilli Lokali li fil-preżent hija mmexxija minn maġġoranza Laburista. Hawnhekk ir-rabja toħroġ mill-fatt li l-gvern ma’ kkonsulta bl-ebda mod lill-istess assoċazzjoni, b’ħafna jħossu li kellha tkun propju l-assoċazzjoni li tiġi kkonsultata l-ewwel.

Sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument saħqu li r-rabja tal-assoċazzjoni twasslet direttament lil Prim Ministru. Nuqqas ta’ qbil li jkompli jżid man-nuqqas ta’ qbil apert espress mid-Deputati Laburisti Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia u saħansitra mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Stefan Buontempo u Jose’ Herrera li qabel r-reshuffle serva fl-istess kariga.

Fid-dawl ta’ dan kollu u fid-dawl anke ta’ l-isfida mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sabiex il-gvern jippubblika l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Kunsilli Lokali biex il-poplu jkun jaf b’dak li qed jippjana li jagħmel, l-istess gvern s’issa ma’ għamel ebda mossa u spikka s-silenzju assolut.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien ċar fil-messaġġ tiegħu li f’demokrazija hemm prinċipji bażiċi, fosthom li elezzjoni ppjanata ma titħassarx, għaliex it-tbagħbis tal-elezzjonijiet hi azzjoni perikoluża. Simon Busuttil fakkar kif il-vot huwa dritt u min jiddejjaq mill-politika’ jista’ jagħżel li ma jivvotax.