Għawdex Lokali Saħħa

Terġa tibda tintuża l-kċina ‘perikoluża’ ta’ San Vinċenz De Paule

Minkejja li l-Gvern Laburista għażel li jagħlaq il-kċina tar-residenza San Vinċenz De Paule, minħabba li fi kliem is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana l-kċina kienet perikoluża, din l-istess kċina issa qed terġa’ tintuża.

Dan kien żvelat mill-gazzetta Il-Mument li tgħid li l kuntrattur privat li beda jissupplixxi l-ikel għal San Vinċenz issa qed juża din il-kċina u l-istess apparat u fran tagħha għal ċertu tisjir.

Dan, tkompli Il-Mument, wassal biex issa fl-istess kċina, li sa ftit ilu kienet meqjusa bħala perikoluża, qed jaħdmu kemm il-ħaddiema tal-gvern kif ukoll il-ħaddiema tal-kuntrattur privat li qed jingħataw taħriġ mill-istess ħaddiema tal-gvern.

Sadanittant fl-istess Residenza San Vinċenz De Paule saru spezzjonijiet fil-kċina minn uffiċjali tas-sanita wara li din il-ġimgħa diversi anzjani spiċċaw b’diarrhea.

Dan kuntrarju għal dak li kien jiġri meta din il-kċina kienet topera bil-ħaddiema tal-gvern li kienu jipprovdu ikel tajjeb u varjat lil madwar 1200 resident tar-Residenza u madwar 2000 impjegat.

Il-Mument tkompli tirrapporta li f’Marzu 2014 l-eks Segretarju Parlamentari Franco Mercieca kien ħabbar menu ġdid u faħħar il-kċina ta’ San Vincenz.

L-artiklu f’Il-Mument ikompli li ħafna interpretaw il-manuvra ta’ Justyne Caruana li tagħlaq il-kċina bħala mossa intenzjonata li tagħmel ħsara lil Franco Mercieca. Mercieca, li kien responsabbli minn din il-kċina għal iktar minn sena, huwa l-kompetitur ta’ Justyne Caruana fuq id-distrett ta’ Għawdex. Ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ deputati marret għall-agħar wara li fl-aħħar elezzjoni Mercieca kien ġera b’Caruana bil-voti – riżultat li wassal biex Caruana titħalla barra mill-kabinett u kien biss wara r-riżenja ta’ Franco Mercieca li Justyne Caruana nħatret bħala Segretarju Parlamentari.

Ħafna interpretaw il-mossa ta’ Justyne Caruana li tagħlaq il-kċina bħala mossa maħsuba biex tagħti l-impressjoni li din il-kċina perikoluża tħalliet topera għal iktar minn sena mingħajr ma sar xejn minn Franco Mercieca.