Internazzjonali Lokali

Aktar pajjiżi Ewropej jappellaw liċ-ċittadini tagħhom biex iħallu l-Libja

Fid-dawl tat-tensjoni dejjem teskala fil-Libja, aktar pajjiżi Ewropej qed jappellaw liċ-ċittadini tagħhom biex iħallu l-pajjiż. Fi tmiem il-ġimgħa, Uffiċjali tal-Ambaxxata Ingliża fi Tripli ġew attakkati waqt li kienu qed jiġu evakwati bil-karozzi lejn il-fruntiera Tuneżina. L-Ajruport fil-kapitali Tripli ma setax jintuża’ għall-evakwazzjoni minħabba li jinsab magħluq u għalhekk kellha bilfors tintuża’ r-rotta li tgħaddi mill-belt ta’ Zawiya, minkejja li din hi meqjusa bħala triq perikoluża ħafna.

Wara li s-Sibt li għadda ġew evakwati l-ħaddiema kollha tal-Ambaxxata Amerikana, sar magħruf ukoll li l-Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti għal-Libja Deborah Jones issa se tkun ibbażata f’Malta biex tkompli bil-ħidma tagħha minn pajjiżna. Min-naħa l-oħra, l-Ambaxxatur Ingliż Michael Aron għalissa jidher li għadu qed iżomm il-pożizzjoni tiegħu fi Tripli.

Sadanittant, hekk kif il-Gvern Libjan qed jitlob għall-għajnuna internazzjonali wara li fis-sigħat li għaddew ħażna taż-żejt ħadet in-nar, kumpaniji tal-ajru Libjani ċaħdu li se jingħalaq l-ispazju tal-ajru fil-pajjiż. Fil-fatt, żewġ kumpaniji ewlenin ħarġu wkoll l-iskedi tat-titjiriet għall-jumejn li ġejjin.