IL-MEDDA TA’ GAZA: Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-moon, enfasizza li l-Medda ta’ Gaza spiċċat ‘f’sitwazzjoni kritika’ u li l-vjolenza fir-reġjun għandha tieqaf ‘għall-ġieh tal-umanita’.
Ban Ki-moon, li għadu kemm irritorna minn żjara fil-Lvant Nofsani, qal dan il-kliem waqt diskors fil-kwartieri tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York u fejn ma żammx lura milli jikkritika lil Iżrael u daqstant ieħor il-militanti Palestinjani f’Gaza.
Hu sostna li l-militanti Iżlamiċi tal-grupp Hamas sparaw il-missili lejn l-inħawi ta’ Iżrael fejn qed jgħixu ċivili, u bil-qawwiet tal-Iżrael jużaw l-armi ta’ ċertu kalibru fuq il-Medda ta’ Gaza li hi ffullata bil-Palestinjani. Ban Ki-moon kompla li l-poplu ta’ Gaza m’għandux fejn jistaħba u li n-naħat aggressivi huma fid-dmir li jipproteġu liċ-ċivili.
Intant, Ban Ki-moon, irrepeta sejħa preċedenti tan-NU biex ikun osservat waqfien mill-ġlied immedjat u mingħajr kundizzjonijiet f’Gaza waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa Musulmana ta’ Eid al-Fitr li jimmarkaw it-tmiem tar-Ramadan.
Filwaqt li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, fil-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn, waqfu milli jattakkaw lill-militanti Iżlamiċi f’Gaza, l-attakki fuq il-ġellieda tal-Hamas komplew, ilbieraħ, wara li l-militanti sparaw missila li laqtet il-belt ta’ Ashkelon, fin-Nofsinar ta’ Iżrael.
Il-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn kien, fil-fatt, l-aktar lejl kwiet mill-bidu tal-konflitt bejn Iżrael u l-militanti Palestinjani f’Gaza, li issa daħal fit-22 jum tiegħu.
Wara l-isparatura lejn Ashkelon, Iżrael attakka mill-ġdid l-inħawi ta’ Gaza fejn il-militanti qed jisparaw ir-rockets u fost ir-rapporti li spiċċa maqtul tfajjel ta’ erba’ snin. Intant, il-militanti Palestinjani sparaw il-missili lejn id-distretti Iżraeljani ta’ Sdot Negev u Eshkol. Iżrael beda l-offensiva attwali fuq il-militanti ta’ Gaza wara li tal-Hamas kienu żiedu l-bumbardamenti fuq l-ibliet u l-villaġġi Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.
//= $special ?>

