Bint ir-raġel li nżamm il-ħabs allegatament “għalxejn”, wara li nstab ħati li abbuża minnha u mbagħad kien meħlus wara li l-provi wrew mod ieħor u jidher li dan ma kienx minnu, ammettiet li ħadet ġurament falz. It-tifla ta’ Emmanuel Camilleri (ritratt), Lianne Camilleri ta’ 20 sena, tressqet il-Qorti mhux b’arrest iżda b’ċitazzjoni u wara l-ammissjoni tagħha, il-Maġistrat Doreen Clarke ordnat li jsir pre-sentencing report qabel tideċiedi dwar il-piena.
B’rabta ma’ dan il-każ, kien tressaq missierha Emanuel Camilleri ta’ 48 sena, li kien ikkundannat sentejn ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati wara li nstab ħati ta’ abbuż fil-konfront ta’ bintu. Il-każ kien ħa żvolta meta l-missier inħeles mill-arrest wara li beda proċeduri permezz ta’ Kawża Kostituzzjonali għal nuqqas ta’ smiegħ xieraq. Camilleri, li kien ilu kważi 400 jum il-ħabs, inħeles taħt diversi kundizzjonijiet, fosthom li ma jkellimx lil bintu.
Il-Pulizija ressqet ukoll lil omm it-tfajla, Lisa May Camilleri ta’ 48 sena, u akkużatha li nstigat lil bintha biex tixhed falz kontra missierha. Il-każ kontra l-omm għadu għaddej.
Il-Prosekuzzjoni fil-konfront tal-bint qed titmexxa mill-Ispettur Sandro Camilleri, filwaqt li għaliha dehret l-Avukat Maxilene Pace. L-Avukat Tonio Azzopardi deher bħala parte civile f’isem il-missier, filwaqt li l-Avukat Martin Fenech kien preżenti fl-Awla bħala l-Avukat li qed jiddefendi lill-omm.
//= $special ?>

