In-nies huma mportanti ħafna fiċ-ċelebrazzjoni mużikali ta’ Rockestra, li ssir b’għan nobbli b’risq il-Malta Community Chest Fund. Dan kien il-messaġġ prinċipali li ħareġ f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Palazz San Anton, li matulha tnediet is-sitt edizzjoni ta’ Rockestra. Din l-edizzjoni se ssir fis-27 ta’ Settembru li ġej fiċ-Ċentru Malti għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) f’Ta’ Qali.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-President Emeritus George Abela, li ħalla legat fl-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment, li sena wara sena qed ikun. Irringrazzjat ukoll lill-ħafna voluntieri li qed jaħdmu qatigħ minn wara l-kwinti biex Rockestra tkompli tissaħħaħ fil-popolarità. Qalet li l-fondi li jidħlu għand il-Community Chest Fund qatt m’huma biżżejjed biex itaffu l-mard dejjem jiżdied, bl-inċidenza tal-kanċer f’Malta f’dawn l-aħħar 10 snin tirdoppja.
Il-President Coleiro Preca rreferiet għat-tema ta’ din is-sena, “Don’t Stop Believing, li hi indirizzata għal dawk li nħakmu mill-kanċer biex jiġġieldu l-marda u jemmnu li jistgħu jfiqu.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kultura u l-Komunikazzjoni Francis Zammit Dimech faħħar it-talent mużikali Malti, li hu mżewwaq ħafna, kif ukoll is-sehem tal-kantanti u l-mużiċisti li se jkunu qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jgħinu wkoll f’dan l-għan nobbli. Il-Ministru Owen Bonnici fisser kif ir-Rockestra hu wieħed mill-ftit kunċerti li l-Orkestra Nazzjonali se tkun qed tagħti s-servizz tagħha b’xejn.
Is-Surmast Sigmund Mifsud, li se jkun qed jidderieġi l-Orkestra Nazzjonali f’Rockestra, fisser li għall-ewwel darba saru diversi auditions għal madwar 114-il applikant biex jieħdu sehem fuq il-palk. Hu rrefera wkoll għat-tema ta’ din is-sena billi ndirizza lil dawk il-persuni li ma ntgħażlux fl-auditions biex ma jaqtgħux qalbhom u jkomplu jippruvaw. Id-Direttur Artistiku ta’ Rockestra Pawlu Borg Bonaci fisser kif fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jieħdu sehem diversi kantanti stabbiliti, fosthom, Kenneth Calleja, Raquela, Gianni, Konrad Pulé u numru ta’ artisti ġodda, bħal The New Victorians.
Il-programm jinkludi l-interpretazzjoni ta’ mużika rock b’suċċessi klassiċi mir-ripertorji ta’ Led Zeppelin, Queen u Pink Floyd, kif ukoll ta’ gruppi mużikali moderni bħal Florence and the Machine. Pawlu Borg Bonaci ħeġġeġ lil min se jattendi biex jaħseb kmieni għall-biljetti, li jistgħu jixtraw mill-Palazz San Anton jew mis-sit elettroniku www.ooii.com.mt.
//= $special ?>