Bħal-lum mitt sena bdiet il-Gwerra l-Kbira li wieħed jista’ jaraha fuq livell storiku u militari dinji, kif żgur se jagħmlu ħafna, speċjament l-effetti li ħalliet.
Gwerra b’effetti kbar…
Kienet gwerra li biddlet id-dinja kif kienet magħrufa sa dak iż-żmien, ħarġet lill-Amerika bħala potenza dinjija, temmet l-imperi qodma Awstro-Ungariku u Ottoman, tat spinta kbira lit-teknoloġija tal-gwerra, u żergħet gwerra akbar, it-tieni waħda dinjija, li daqt inkunu qed infakkru l-75 sena mill-bidu tagħha.
…anke fuq Malta
Effetti fuq Malta kellha wkoll il-Gwerra l-Kbira, anke qawwijin. Konna taħt waħda mill-qawwiet ewlenin ġellieda u għalkemm ma konniex attakkati aħna, Malta saret sptar għas-suldati tal-alleati – infermiera tal-Mediterran, kif qalgħuhielha.
Żvilupp politiku ma’ tmiemha
L-attakki tas-submarines Ġermaniżi fil-Mediterran ġabu skarsezzi u għoli fil-prezzijiet tal-ikel li baqa’ sa wara li ntemmet il-Gwerra l-Kbira. Ix-xogħol fuq in-navy Ingliża li fil-gwerra kien ittrippla l-ħaddiema fit-tarzna naqas u ġab qgħad kbir wara li ntemmet. L-irvellijiet tas-Sette Giugno kienu riżultat ta’ dan kollu, u kienu l-bidu wkoll tal-politka moderna f’Malta bis-self government li ksibna fl-1921.
Il-livell uman
Irridu naraw ukoll il-Gwerra l-Kbira fuq livell uman. Miljuni ta’ żgħażagħ, ħafna anke taħt l-età, inħakmu minn patrijottiżmu li malajr inbidel f’massakri kbar fit-trunċieri, fil-ġlied sider ma’ sider, mitmugħin bħala vittmi lill-kanuni, maqtulin bl-armi kimiċi ġodda li kienu ntużaw fil-Gwerra l-Kbira.
‘Żgħożija kkundannata’
Fil-letteratura Ingliża li ħafna minna studjajna, il-poeżiji tal-Gwerra l-Kbira, l-aktar ta’ Wilfred Owen, jagħtuna stampa tal-Gwerra l-Kbira fil-livell tal-bniedem. Wilfred Owen inqatel fit-trunċieri ġimgħa biss qabel l-armistizju imma ħalla poeżiji kbar, fosthom Dulce et Decorum Est u Anthem for Doomed Youth, li jiddeskrivu s-suldati żgħażagħ jinqatlu bħal bhejjem bil-gass u l-armi ġodda li ntużaw f’dik il-gwerra.
Minn Ewropew joqtol Ewropew…
Żgħażagħ Ewropej – Ġermaniżi, Ingliżi, Franċiżi – joqtlu lil xulxin; il-gwerra fratriċida li rrepetiet ruħha 25 sena wara b’qerda akbar. Imbagħad it-tagħlimiet miż-żewġ gwerer dinjin li fis-snin ħamsin ġabu flimkien mexxejja Ewropej biex qatt aktar iż-żgħożija Ewropea ma tkun ikkundannata.
…għall-itwal żmien ta’ paċi bl-UE
U f’dad-dawl ukoll irridu naraw iċ-ċentinarju tal-lum: l-effett tal-bini tal-Ewropa li minn żewġ gwerer li xerrdet mad-dinja, illum hi kontinent dejjem aktar magħqud. U l-idea tal-Ewropa, il-proġett kbir li fisser l-itwal żmien ta’ paċi li qatt ra dal-kontinent.