Lokali

FILMAT: AĠĠORNATA (6): “Kuntent li jien qawwi u sħiħ” – Martin Galea fl-ewwel kummenti tiegħu

AĠĠORNATA (6)

Ara l-filmati bil-kummenti ta’ Martin Galea

“Kutent li jien qawwi u sħiħ”. Dan kien l-ewwel kumment tal-Malti li nħataf fil-Libja Martin Galea hekk kif rifes fuq l-art Maltija it-Tnejn filgħaxija.

Martin Galea wasal Malta fl-Ajruport Internazzjoanli ta’ Malta ftit minuti qabel id-9pm, fejn intlaqa’ mill-Prim Ministru Joseph Muscat, li kien akkumpanjat mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella u l-Ministru tal-Intern Manwel Mallia.

Fil-kummenti tiegħu, Martin Galea qal li l-fatt li jinsab qawwi u sħiħ ma ddependa xejn minnu, iżda mill-isforzi tal-Gvern, partikolarment tal-konslu Malti fi Tripli li fi kliemu kienet ‘kruċjali’ u ‘salvat(lu) ħajjt(u)’

Il-Prim Ministru, li wkoll indirizza lill-midja mal-wasla ta’ Martin Galea, qal li l-wasla tal-Malti kienet sforz impenn kollettiv. Kien hawn li rringrazzja lill-Ministri tal-Affarijiet Barranin u tal-Intern, lill-Forzi Armati ta’ Malta u lis-Servizzi tas-Sigurta’. Irringrazzja wkoll lill-Komunita’ Islamika f’Malta.

Fil-kummenti tiegħu, Joseph Muscat qal li l-Gvern ma xtaqx jagħmel ħafna dikjarazzjonijiet għax il-ħidma kienet delikata; ħidma li saret fis-silenzju mingħajr ħafna storbju żejjed. Żied jgħid li madanakollu, l-aktar ħaġa importanti hija li Martin Galea wasal Malta qawwi u sħiħ.

Wara l-wasla tiegħu, Galea ttieħed l-isptar Mater Dei biex isirulu numru ta’ ‘check-ups’. Dan fuq xewqa tiegħu stess.

Fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Galea intlaqa wkoll mill-qraba immedjati tiegħu.

Intant, fi stqarrija, il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li tilqa’ bi pjaċir l-aħbar tal-ħelsien tal-Malti Martin Galea wara l-ħtif tiegħu minn grupp ta’ militanti Libjan waqt il-ġlied fil-Libja.

Il-President fl-istqarrija ferħet lill-familja Galea, li wara dawn il-jiem ta’ inċertezza kontinwa, il-familja tista’ terġa’ tingħaqad flimkien qawwija u sħiħa.

martin galea wasla ajruport internazzjonali ta' malta libja mahtuf

Aktar kmieni…

20:35: MaltaRightNow.com tinsab infurmata li l-Malti Martin Galea għadu kif wasal f’Malta hekk kif fl-aħħar minuti llandja l-ajruplan li bih hu inġieb lejn Malta.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jistenni jindirizza lill-midja. Mhux eskluż li Martin Galea wkoll jindirizza lill-midja.

Ibqgħu segwu din il-paġna għal aktar aġġornamenti hekk kif jaslu.

[headlines headline=”h3″ ]Aħbar sabiħa għal kull Malti u Maltija – il-PN [/headlines]

20:24: L-aħbar li Martin Galea nħeles u jinsab fi triqtu lejn Malta hija aħbar sabiħa għal kull min hu Malti. Il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li jilqa’ bil-ferħ din l-aħbar u jawgura lil Martin Galea kif ukoll lill-familja tiegħu, wara li għaddew minn mumenti ta’ tensjoni kbira fl-aħħar għaxart ijiem.

Il-Partit Nazzjonalista irringrazzja wkoll lil kull min ta sehmu fl-operazzjoni biex Martin Galea jinħeles u jinġieb lura Malta qawwi u sħiħ.

[headlines headline=”h3″ ] Il-qraba ta’ Martin Galea jaslu fl-Ajruport biex jilqgħuh[/headlines]

20:20 Fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hemm jistennew lil Malti Martin Galea diversi qraba immedjata tal-Malti, jistennew bil-ħerqa lil Martin Galea li fl-aħħar jiem inħataf fil-Libja kawża tas-sitwazzjoni fil-pajjiż.

Fl-ajruport ukoll hemm jistennewh il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella kif ukoll il-Ministru tal-Intern Manwel Mallia.

Hu mistenni jasal Malta fil-minuti li ġejjin, fejn se jkun qed jittieħed l-Isptar Mater Dei fuq xewqa tiegħu stess biex issirlu ‘check-up’. Madanakollu ma jidhirx li r-raġel qed isofri minn xi ġrieħi.

Ibqgħu segwu din il-paġna għal aktar dettalji li qed jaslu permezz tal-ġurnalisti ta’ Media.Link Communications li jinsabu fuq il-post.

[headlines headline=”h3″ ]Il-Malti maħtuf fil-Libja se jasal Malta fil-minuti li ġejjin [/headlines]

20:05: Bħalissa għadu kemm daħal fl-ispazzju tal-ajru ta’ Malta, Martin Galea, il-ħaddiem Malti li kien inħataf fil-Libja fis-17 ta’ Lulju li għadda. Il-Malti kien inħataf flimkien ma żewġ persuni waqt li kienu għaddejin b’vettura qrib Tripli.

Mill-informazzjoni li għandna jidher li l-Malti kien salvat aktar kmieni llum u kien għall-ħabta tas-5.50pm li l-Malti wasal fil-Konsulat Malti fil-Libja. Eżatt malli kien ikkonfermat li l-Malti kien salvat, abbord ajruplan tal-Medavia telaq crew li fuqu kien hemm ukoll sitt suldati tal-Forzi Armati pajżana.

L-informazzjoni li għandna tgħid li Martin Galea kien salvat minn grupp ta’ Libjani. Mhux magħruf ukoll min kien il-grupp li ħataf lil Martin Galea, iżda jirriżulta li ma kkawżaw l-ebda feriti fuq il-ġisem ta’  Galea.

Infurmati wkoll li għal ħelsien ma sar l-ebda ħlas minkejja li għal bidu kien hemm xi talbiet li saru lill-kumpanija li magħha jaħdem Galea, NAGECO.

Mal-wasla tiegħu Malta Galea mistenni li jittieħed ukoll l-isptar għal xi testijiet mediċi.

Aktar dettalji malli jaslulna permezz tal-ġurnalisti ta’ Media.Link Communications li jinsabu fl-Ajruport Internazzjnali ta’ Malta.