Ambjent Lokali

Il-MEPA tgħid li qatt ma ċaħħdet lil ħadd għal appell quddiem it-Tribunal tal-Ippjanar

L-Awtorita’ Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qed tgħid li qatt ma ċaħdet lil ħadd milli jagħmel appell quddiem it-Tribunal tal-Ippjanar. Dan qalu ċ-Chairman tal-MEPA Vince Cassar f’konferenza tal-aħbarijiet li ssejħet it-Tnejn waranofsinhar bi tweġiba għal konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Fondazzjoni għal Ambjent Aħjar (FAA) dwar applikazzjoni ta’ żvilupp fi Sqaq Żbibu f’San Ġwann.

Iċ-Chairman tal-MEPA saħaq li l-Awtorità aġixxiet b’mod korrett meta kkunsidrat din l-applikazzjoni. Qal li f’xi mezzi tax-xandir kienu rrappurtati diversi ineżattezzi li tefgħu dell ikrah fuq il-MEPA. Saħaq li l-oġġezzjonant Stephen Saliba qatt ma ċempillu u kieku ġara hekk, Saliba rċieva email mingħandu fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Vince Cassar fisser kif il-permess għat-twaqqigħ ta’ farmhouse dilapidata u l-bini ta’ blokka residenzjali li tkopri żewġ basements, erba’ sulari u livell għall-penthouses, 53 appartament, seba’ penthouses u 71 garaxx ġie approvat fil-5 ta’ Settembru 2013. Sussegwentament, kien ħareġ il-permess mhux eżekuttiv fit-3 ta’ Frar 2014. Cassar stqarr li kienet intbagħtet ittra lil Saliba, li permezz tagħha kien notifikat li kien ħareġ il-permess mhux eżekuttiv u kien avżat ukoll dwar id-drittijiet tiegħu li jappella quddiem it-Tribunal tal-Ippjanar.

Il-permess kien ippubblikat fil-ġurnal The Malta Independent tat-8 ta’ Frar 2014. Għalhekk, sostna ċ-Chairman tal-MEPA, Stephen Saliba kellu l-massimu ta’ 30 ġurnata biex jissottometti l-appell tiegħu. Cassar sostna li barra minhekk, kieku ried l-oġġezzjonant seta’ għamel l-oġġezzjonijiet tiegħu waqt il-Laqgħa Pubblika tal-MEPA li kienet saret fil-5 ta’ Settembru 2013.

Cassar żied jgħid li l-oġġezzjonant kitiblu fit-23 ta’ Lulju 2014 u wara ċ-Chairman bagħatlu kopji tad-dokumenti rilevanti kollha fil-25 ta’ Lulju 2014. Qal dawn id-dokumenti ntbagħtu bil-posta normali u mhux bħala ittra reġistrata, skont il-Liġi. Iċ-Chairman tal-MEPA spjega kif il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann bagħat ittra lill-MEPA, fejn, fost oħrajn, kien inkwietat dwar l-impatt li l-iżvilupp se jkun qed jagħmel fuq l-ambjent.

Vince Cassar stqarr li din kienet ittra ta’ informazzjoni u mhux waħda ta’ oġġezzjoni.