Formula 1 Sport

Il-Mercedes qegħdin f’pożizzjoni skomda

FORMULA 1 – KUMMENTI WARA L-GP TAL-UNGERIJA

Il-Kap tal-Mercedes Toto Wolff qal li t-tim qiegħed f’pożizzjoni skomda minħabba li ż-żewġ sewwieqa qed jisfidaw għar-rebħ tat-titlu u l-istruzzjonijiet li qed jingħataw qed jaqgħu fuq widnejn torox. Wolff qal dan wara li fi tmiem il-ġimgħa, waqt il-GP tla-Ungerija, Lewis Hamilton injora struzzjonijiet biex iħalli lil Nico Rosberg jaqbżu. Hamilton kien beda mill-aħħar post u spiċċa fit-tielet post filwaqt li l-GP intrebaħ minn Daniel Ricciardo tar-Red Bull. Fit-tieni post daħal is-sewwieq tal-Ferrari Fernando Alonso. Din kienet it-tieni darba dan l-istaġun li Hamilton injora struzzjonijiet minn naħa tat-tim u wara t-tellieqa l-Ingliż qal, “Kont veramnent ixxukjat kif smajt l-ordni tat-tim biex inħalli lil Rosberg jaqbiżni. Veru li Rosberg resaq qrib tiegħi iżda jien ma ridtx nitlef mill-mira tiegħi lil Ricciardo u Alonso”.

Id-distakk bejn il-lider Rosberg u Hamilton issa hu dak ta’ 11-il punt filwaqt li l-istess Daniel Ricciardo issa għandu 131 punt u jinsab fit-tielet post.

F’kummenti li ta Wollf qal, “Bil-mod kif żvelġew l-affarijiet dan l-istaġun nemmen li dak li konna iddeċidejna qabel l-istaġun m’għadux jgħodd. :ejna f’sitwazzjoni fejn ma nistgħu nagħtu l-ebda ordni lis-sewwieqa tagħna għax nifhmu li t-tnejn li huma jridu jirbħu t-titlu.”

“Kienet tellieqa li fiha kellna nieħdu deċiżjonit kruċjali u f’ħin qasir. Issa rridu naraw minn hawn ‘il quddiem b’liema strateġija se naħdmu,” kompla jgħid Wolff. Il-Grand Prix tal-Ungerija kien l-aħħar wieħed qabel il-waqfa tas-sajf u l-kampjonat jitkompla fl-24 ta’ Awwissu bil-Grand Prix tal-Belġju.

Minn naħa tiegħu Rosberg qal li hu ma talabx lid-diriġenti tat-tim biex jordnaw lil Hamilton iċedilu.
“It-tim informani li Hamilton kien se jħallini naqbżu. Jien ma tlabt għall-ebda deċiżjoni. Ma naf’x x’ġara wara u għad irridu niddiskutu dwar dak li ġara,” qal Rosberg.

Dwar dak li seħħ Hamilton qal, “Li kieku ħallejtu jaqbiżni kont nitlef il-punti. M’għandix dubju li d-diriġenti qaluli biex inċedilu għal raġunijiet tajbin imma fl-aħħar mill-aħħar, li kieku għamilt hekk kont nispiċċa nitlef il-punti. Wara kollox qed intellaq għalija u mhux għal Rosberg.”

Ir-rebħa li kiseb Ricciardo kienet it-tieni waħda tiegħu dan l-istaġun wara li rebaħ il-Grand Prix tal-Kanada f’Montreal. Staġun ilu kien hemm sitwazzjoni simili fejn iċ-champion tar-Red Bull Sebastian Vettel kemm -il darba injora struzzjonijiet u qabeż lil sieħbu Mark Webber. Dan tal-aħħar eventwalment irtira mill-Formula 1 u minfloku r-Red Bull ġabu lura lil Ricciardo li qed iħalli impressjoni tajba fl-ewwel sena tiegħu maċ-champions. Is-sewwieq tal-Ferrari Alonso qal li kien kburi bir-riżultat li kiseb fl-Ungerija. Din kienetit-tieni darba dan l-istaġun li spiċċa fuq il-podju.

“Ninsab ferm sodisfatt u sorpriż fl-istess ħin b’dan ir-riżultat. Kien staġun diffiċli għalija u li nikseb post fuq il-podju hu xi ħaġa speċjali għalija,” qal Alonso.

S’issa saru 11-il Grand Prix u minn dawn il-11 tnejn minnhom intrebħu minn Ricciardo filwaqt li l-kumplament intrebħu jew minn Hamilton jew minn Rosberg. Is-sewwieq :ermaniż rebaħ erbgħa u Hamilton rebaħ ħamsa.