Internazzjonali

Issawtu mill-pulizija talli talbu l-informazzjoni dwar traġedja

IĊ-ĊINA: Uħud fost il-qraba tal-vittmi tat-Titjira MH370, tal-Malaysian Airlines, irrakkuntaw li spiċċaw suġġetti għal swat u daqqiet ta’ ponn taħt idejn il-Pulizija Ċiniża wara li huma insistew għal informazzjoni mingħand il-kumpanija tal-ajru dwar dak li kien seħħ.

Il-qraba qed jilmentaw li huma ġew miċħuda mill-aċċess għar-ritratti li juru lill-għeżież tagħhom telgħin fuq l-ajruplan Boeing 777 tal-linja msemmija u li kien sparixxa, f’Marzu, waqt titjira lejn Beijing. L-investigazzjoni għall-ajruplan li tmexxiet fuq livell internazzjonali baqgħet ma żvelat xejn dwaril-misteru u hu maħsub li t-Titjira MH370 x’aktarx iġġarrfet fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan.

Intant, il-qraba inkwistjoni (kollha nisa) infurmaw lill-gazzetta South China Morning Post (ta’ Hong Kong) li huma kienu spiċċaw aggrediti minn sitt uffiċjali tal-Pulizija ġo għassa f’Beijing u spiċċaw imsawtin u mkaxkrin. Hu mifhum li f’dan l-attakk mara sofriet ħafna tbenġil ma’ ġisimha u kellha tqatta’ tlett ijiem l-isptar biex tirkupra.

Il-gazzetta inkwistjoni ppubblikat ritratt ta’ mara liebsa kullar m’għonqha u tidher mimduda fuq dik li tidher bħala sodda ta’ sptar. Intant, ma kienx possibbli li toħroġ il-konferma ta’ dawn id-dettalji u n-nisa qalu li l-attakk fuqhom kien imur lura għad-19 ta’ Mejju.

Qraba oħra tan-nies li sparixxew waqt din it-titjira qalu lill-Morning Post li, fl-14 ta’ Lulju, huma wkoll kienu inżammu mill-Pulizija Ċiniża, wara li talbu biex jaraw il-filmati tal-għeżież tagħhom huma u telgħin fuq l-ajruplan, fl-ajruport ta’ Kuala Lumpur, fit-8 ta’ Marzu li għadda.

Ritratt: Arkivji