L-UKRAJNA: It-twaqqigħ tal-ajruplan tal-Malaysian Airlines li kien iġġarraf fl-Ukrajna tal-Lvant fis-17 ta’ Lulju kapaċi jikkostitwixxi delitt tal-gwerra.
Dan qalitu l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet Umani, Navi Pillay, meta s-separatisti Ukreni li qed jiġġieldu għall-unjoni mar-Russja u l-awtoritajiet tal-Ukrajna qegħdin jakkużaw lil xulxin rigward il-qerda tat-Titjira MH17.
L-ajruplan inkwistjoni kien qed iġorr 298 persuna waqt it-titjira fatali u li minnhom ma salva ħadd. Intant, uffiċjal Ukren ilbieraħ qal li d-data recorders tat-Titjira MH17 jindikaw effetti fl-ajruplan li kienu kkaġunati minn missila.
Fl-istess ħin, il-pulizija internazzjonali mill-ġdid żammet lura milli tmur fis-sit fejn iġġarraf l-ajruplan minħabba l-ġlied qalil kontinwu bejn is-separatisti u l-qawwiet tal-Gvern Ukren. Dan waqt li kelliema għall-militar tal-Ukrajna qalu li kienu qed jiġġieldu mas-separatisti għall-kontroll ta’ diversi bliet viċindan is-sit, lejn il-Lvant tal-pajjiż.
Il-pulizija internazzjonali trid taċċerta mis-sigurtà fis-sit biex l-esperti internazzjonali jkunu jistgħu jeżaminaw il-fdalijiet tal-vittmi u tal-ajruplan. Sadanittant, il-parti l-kbira tal-vittmi tat-Titjira MH17 diġà tneħħew mill-inħawi u twasslu lura lejn l-Olanda.
Min-naħa tagħha, Navi Pillay, waqt li rreferiet għal din it-titjira, sostniet li f’dan il-każ l-abbuż tal-liġi internazzjonali, fiċ-ċirkostanzi attwali, jista’ jammonta għal delitt tal-gwerra. Hi wissiet ukoll li se jsir kull sforz biex issir il-ġustizzja ma’ kull min abbuża sal-punt fejn kien twettaq reat ta’ gwerra, u dan isir irrispettivament mill-identità tal-persuni li kienu involuti.
//= $special ?>

