Kunsilli Lokali Lokali

Jidħlu fis-seħħ il-bidliet fit-traffiku fil-Belt

Ilbieraħ filgħodu daħlu fis-seħħ bidliet fit-traffiku fil-Belt. Għall-Kunsill Lokali tal-Belt, l-għan tal-bidliet hu li bihom tittejjeb is-sistema ta’ traffiku f’wieħed mid-dħul ewlenin tal-Belt u li għalhekk is-sistema topera b’mod aktar organizzat ħalli jkun hemm impatt pożittiv fuq ir-resident u anke fuq is-settur tan-negozju.

Il-qofol ta’ din il-bidla hu d-dħul fil-Belt minn Triq San Mark, li minnha l-karrozzi jiġu fi Triq l-Ifran. Bis-sistema l-ġdida, il-vetturi li jitilgħu minn Triq San Mark issa se jkunu jistgħu jduru ‘l fuq fi Triq l-Ifran lejn il-Ġnien Hastings.

F’kumment lil MaltaRightNow.com, is-Sindku tal-Belt Alexiei Dingli spjega li s’issa dan it-tibdil ra rispons pożittiv, kemm mis-sewwieqa kif ukoll mir-residenti. Qal li t-tibdil qed jindara malajr, anke bl-għajnuna tal-ħaddiema ta’ Transport Malta, li qed jgħinu lis-sewwieqa.

Alexiei Dingli spjega li minkejja dak li jidher li s’issa hu suċċess, il-Kunsill Lokali tal-Belt se jibqa’ jagħmel monitoraġġ tas-sitwazzjoni biex ikun jista’ jsir kull tibdil meħtieġ ħalli s-sistema l-ġdida tilħaq l-għan tagħha bl-aħjar mod.