Internazzjonali

Libja: Aktar persuni jinqatlu fil-ġlied

Qed jiġi rrappurtat li fl-aħħar sigħat il-ġlied fil-Libja wassal biex inqatlu 38 persuna oħra fil-kapitali Tripli. Dan hekk kif il-militanti Iżlamiċi attakaw truppi leali lejn il-Gvern. Qed jiġi rrappurtat ukoll li fl-attakki ntlaqtet ħażna tal-fuel, li tista’ tikkawża diżastri jekk in-nirien ma jiġux ikkontrollati b’mod effettiv. Fl-aħħar ġimgħa, fi Tripli mietu 97 persuna, filwaqt li ndarbu 404 persuni.

Rapporti oħra jgħidu li tim b’Uffiċjali Diplomatiċi Ingliżi lbieraħ filgħodu kien attakkat wara li ħareġ minn Tripli. L-Uffiċjali kienu qed jiġu evakwati minn Tripli lejn it-Tuneżija minħabba s-sitwazzjoni fil-Libja. Meta hallew Tripli, dawn iffaċċjaw checkpoint li ma kinitx uffiċjali. L-Ingliżi rrifjutaw li jieqfu u kienu attakkati. Madankollu, l-Ambaxxatur Ingliż għal-Libja ħabbar li l-Uffiċjali Ingliżi issa kienu f’post sikur u li ħadd ma weġġa’ f’dan l-attakk.

Sadanittant, diversi pajjiżi, fosthom l-Istati Uniti, l-Olanda, it-Turkija u l-Filippini, qalu liċ-ċittadini tagħhom biex jitilqu mil-Libja.