Qorti

Maximillian Ciantar lest joqgħod mal-kundizzjonijiet biex jara lil ibnu

Maximillian Ciantar qal fil-Qorti li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest preventiv lest li jimxi mal-kundizzjonijiet li timponi fuqu l-Qorti għax l-aktar ħaġa mportanti għalih hi li jara lil ibnu ta sentejn. Hu qal dan lill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni b’rabta ma’ inċident tat-traffiku li kien seħħ f’Lulju li għadda. Ciantar, ta’ 24 sena mill-Marsa, qed jiġi mixli li fit-8 ta’ Lulju li għadda, waqt li kien qed isuq karozza Renault, ikkaġuna ħsara fuq Toyota b’dannu għal Joseph Catania u f’Ford Fiesta b’dannu għal Karmenu D’Amato.

Jinsab mixli wkoll li hedded lil Joseph Catania u bintu Anisia, li qal kliem oxxen fil-pubbliku, li naqas li jagħti dettalji tal-karozza li kien qed isuq wara li kien involut fl-inċident, li saq bi traskuraġni, li ma kellux liċenzja tas-sewqan, li ma kienx kopert b’polza tal-assikurazzjoni u li kiser sentenza tal-1 ta’ Frar 2013 mill-Qorti tal-Maġistrati. Ciantar hu mixli wkoll li fl-istess jum m’obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, waqt li kien fil-kustodja tagħhom u li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.

L-intenzjoni tiegħu li jobdi l-kundizzjonijiet imposti fuqu esprimihom wara li l-Avukat tiegħu Joe Brincat talab għal-libertà proviżorja tal-klijent tiegħu. Il-Maġistrat Stafrace Zammit uriet id-dubji tagħha dwar dan u kien hawn li Ciantar għolla sebgħu biex jiġbdilha l-attenzjoni. Wara li tatu permess ikellimha, Ciantar qalilha li lest jobdi l-kundizzjonijiet għax l-aktar ħaġa importanti li għandu f’ħajtu hi ibnu. Fil-preżent, it-tifel jinsab taħt care order wara li mill-Awla rriżulta li ttieħed lill-ġenituri tiegħu għax meta twieled dawn kellhom il-vizzju tad-droga.

Ciantar qal li jinsab iddispjaċut li milux kellem lil ibnu fuq it-telefon u dan beda jistaqsi għalih u jistaqsieh jekk kienx marid. Qal ukoll lill-Maġistrat Stafrace Zammit li meta fis-seduta preċedenti kien iddeskriva lilu nnifsu bħala “l-aktar bniedem żvinturat fid-dinja” għax jekk jagħmel xi ħaġa hu, tidher aktar milli kieku jagħmilha ħaddieħor. Sostna li jekk ikun involut f’ħabta hu, u dakinhar tisplodi bomba fi Knisja, il-mezzi tax-xandir jirrappurtaw il-każ tiegħu l-ewwel. Qal ukoll li hawn ħafna gwerer fid-dinja li ma jiġux rappurtati, iżda każ li jkollu x’jaqsam miegħu hu dejjem jiġi rappurtat.

Maximillian Ciantar infurma wkoll lill-Qorti li ma baqax jattendi għand il-Psikologa Mariella Dimech għax darba nzerta ma marx għall-appuntament, ħadet għaliha u ma bagħtitx għalih. Skont hu, xorta ħallasha tas-sessjoni u żied li ma baqax imur għax beda jħossu tajjeb. Il-Maġistrat Stafrace Zammit qaltlu li mhux hu jrid jiddeċiedi li jkun tajjeb iżda l-Psikologa. Aktar tard fis-seduta, hi ddeċidiet ukoll li għandu jerġa’ jibda jara lill-Psikologa.

Wara li semgħet ukoll lill-Ispettur Robert Vella jgħid li hu kien se jħalli f’idejha dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest u li l-importanti għalih li Ciantar jimxi fit-triq it-tajba, il-Maġistrat Stafrace Zammit iddeċidiet li tagħti deċiżjoni finali f’seduta mingħajr data jew ħin minn qabel.

Sadanittant, fil-kumpilazzjoni xehdu wkoll is-Surġent Suzanne Mifsud u l-Uffiċjal tal-Probation Mary Rose Farrugia. Is-Surġent Mifsud semmiet kif dakinhar li Ciantar kien arrestat b’rabta mal-każ, beda jheżżeż snienu u jidgħi hekk kif sema’ li kien se jittieħed fil-lock-up. Madankollu, meta kien infurmat li se jittieħed l-Isptar, hu kkalma.

Min-naħa tagħha, Farrugia qalet li bdiet issegwi lil Ciantar mill-2007 għalkemm mhux b’mod kontinwu. Semmiet kif dakinhar ċemplet lil Ciantar u peress li dan ma nstemax f’siktu, flimkien ma’ kollega tagħha ħaditu d-Detox, fejn Dr George Grech irreferieh għall-Isptar Mater Dei għax qal li kien overdosed. Mill-isptar, Ciantar ġie rilaxxat għax deher f’sensih. Farrugia semmiet li b’mod ġenerali Ciantar jimxi ma’ dak li tgħidlu. Qalet li bejn Ġunju 2013 u Ġunju 2014 ħaditlu 10 kampjuni, minfejn dejjem irriżulta nadif mid-droga. Qalet li bit-twelid tat-tifel, Ciantar wera titjib.

Sadanittant l-Avukat Brincat semma’ wkoll kif missier Ciantar hu lest irabbi lin-neputi tiegħu, iżda mill-Appoġġ bagħtuh biex jagħmel kors fil-partenting skills minkejja li rabba erbat’itfal. Il-każ ikompli fl-4 ta’ Awwissu li ġej.