L-eks Sindku ta’ Ħaż-Żabbar Quinton Scerri ressaq Protest Ġudizzjarju fil-Qorti kontra d-Direttur tal-Gvern Lokali u saħaq li l-Bord tal-Governanza Lokali ma aġixxiex skont proċeduri stabbiliti. Fil-Protest Ġudizzjarju, Quinton Scerri stqarr li r-rapport tal-Bord tal-Governanza Lokali kien inġust u intenzjonat biex b’mod malizzjuż iħammeġ ir-reputazzjoni tiegħu fil-lokalità li kien imexxi.
Quinton Scerri sostna li membru ta’ dan il-Bord kien manifestament imparzjali għax għadda stqarrijiet pubbliċi meta kien għadu lanqas beda s-smigħ tal-każ. Fil-Protest, Scerri qal li bil-kummenti tiegħu l-Bord wasal biex insulta l-intelliġenza tal-elettorat Żabbari meta implika li għamel żball għax eleġġa lilu bħala Sindku.
Quinton Scerri stqarr li dan l-aġir hu wieħed li ma jagħmilx ġieh lid-demokrazija u żied li l-manuvri li saru kellhom biss l-intenzjoni li hu jitneħħa minn Sindku. Hu qal li se jkun qed jieħu azzjoni legali biex inaddaf ismu. Sadanittant, Joseph Agius dalgħodu kien elett f’elezzjoni każwali biex imtela’ l-post ta’ Kunsillier fil-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar wara r-riżenja ta’ Scerri minn Sindku u Kunsillier.
//= $special ?>