Sewwieq ta’ mutur jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li kien involut f’inċident tat-traffiku li seħħ fil-Mellieħa. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.15am fi Triq George Borg Olivier. Jirriżulta li r-raġel, li għandu 52 sena u hu minn San Ġwann, kien qed isuq il-mutur tat-tip Kawasaki ER 6N meta ħabat ma’ vann tat-tip Ford Transit, misjuq minn raġel ta’ 39 sena minn San Pawl il-Baħar.
Is-sewwieq tal-mutur ittieħed l-Isptar Mater Dei b’Ambulanza, fejn kien iċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika. Tfajla ta’ 18-il sena mill-Mellieħa, li kienet passiġġiera fuq il-mutur, ukoll ittieħdet l-Isptar għall-kura, iżda fortunatament kienet iċċertifikata li sofriet feriti ħfief.
Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ, filwaqt li nħatru diversi esperti biex jassistu f’inkjesta maġisterjali.
//= $special ?>

