[headlines headline=”h3″ ] ….minkejja li kumpanija oħra qed toffri prezzijiet tal-uniformijiet orħos [/headlines]
Jidher li l-kwistjoni dwar l-uniformijiet tat-tfal li jattendu fl-iskejjel tal-Gvern qed tkompli tikkumplika ruħha hekk kif minn informazzjoni u dokumenti li kiseb dan l-istazzjon, jirriżulta li kumpanija kompetittiva tas-supplier awtorizzat mill-Gvern biex tbigħ l-uniformijiet, għandha prezzijiet orħos u aktar kompetittivi u dan għal istess tip ta’ materjal.
Minkejja dan, f’ċirkulari li l-Gvern bagħat lil ġenituri tal-istudenti maħruġa mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi dwar l-unformijiet tal-iskola, il-ġenituri kienu iggwidati biex jixtru l-uniformijiet mingħand is-supplier awtorizzat.
L-informazzjoni dokumentata li għandu In-Nazzjon turi li filwaqt li s-supplier awtorizzat mill-Gvern qed ibigħ il-qomos tal-istudenti għal €12-il, il-kumpanija kompetittiva qed tbiegħhom b’€10.
Il-Jogging Suit tal-Kindergarten, filwaqt li s-supplier magħzul mill-Gvern qed ibiegħha bi €17, il-kumpanija l-oħra qed tbigħha għal €15.25. Is-sena li għaddiet l-istess kumpanija magħżula mill-Gvern kienet tbigħ il-Jogging Suit tal-Kindergarten b’€14.90, jiġifieri din is-sena għoliet b’€2.10.
Il-bermuda, il-kumpanija l-oħra qed tbiegħha għal €11 filwaqt li l-kumpanija magħżula mill-Gvern qed tbigħha €12. Dan kollu għal istess tip ta’ materjal.
Hemm ukoll prezzijiet inqas għal diversi items oħra fosthom il-P.E. T-Shirt, il-qliezet it-twal, id-dbielet, il-jersijiet, l-ingravajjet u li scarfs.
Barra minnhekk, il-kumpanija kompetittiva għandha wkoll drapp biex jekk iridu l-ġenituri jħejtu huma stess l-uniformijiet.
Minn risposti li l-Ministru Evarist Bartolo bagħat għal mistoqsijiet li saru minn dan il-ġurnal dwar il-prezz tal-uniformijiet, Evarist Bartolo sostna li l-uniformijiet roħsu b’medja ta’ €10 u qal li dan ir-roħs hu meta dawn l-uniformijiet jinxtraw mill-kumpanija li offriet prezz meta saret is-sejħa pubblika għall-offerti tal-prezzijiet tal-uniformijiet. Il-prezzijiet bdew jgħoddu mill-5 ta’ dan ix-xahar.
Evarist Bartolo qal li l-ġenituri m’humiex se jkunu jistgħu jixtru l-materjal u jħitu huma stess l-uniformi ta’ wliedhom. Dan minhabba li l-kuntratt li sar bejn id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi u l-kumpanija awtorizzata biex tbigħ l-uniformijiet tal-iskejjel, ikopri l-bejgħ ta’ uniformijiet lesti. Skont il-Ministru Bartolo dan sar biex ikun rispettat id-disinn u l-għamla tal-uniformi specifika.
//= $special ?>