Editorjal

Editorjal: L-iżbilanċ u d-dejn jiżdiedu b’mod sostanzjali

Il-Gvern għadu kemm ippubblika x’nefaq u x’daħħal għall-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena. Naturalment, dawn mhumiex kontijiet ta’ sena sħiħa, imma lanqas ma huma ta’ xahar wieħed u allura jagħtu xejra ċara. U mhijiex xejra sabiħa.

Żieda ta’ 25 miljun ewro f’sitt xhur f’salarji…

In-nefqa tal-Gvern żdiedet sostanzjalment fl-ewwel nofs ta’ din is-sena fuq l-istess nofs tas-sena l-oħra. L-akbar żieda fin-nefqa kienet fis-salarji – żieda ta’ xejn anqas minn 25 miljun ewro f’sitt xhur.

…għaż-żieda ta’ 1,800 mal-gvern u għall-ħlasijiet lil tal-qalba

Dan hu riżultat taż-żieda fl-impjiegi mal-Gvern li issa minn statistika oħra tal-Gvern stess nafu li żdiedu b’1,800 fl-ewwel 12-il xahar tal-Labour fil-gvern, u – aktar minn hekk – iż-żieda fil-ħlasijiet lin-nies tal-qalba li l-Gvern qed jivvintalhom il-karigi.

Żieda qawwija f’sussidji fosthom tat-trasport pubbliku

Barra l-25 miljun ewro fis-salarji, it-tieni l-akbar żieda hi fis-sussidji li l-Gvern jagħti lill-korporazzjonijiet tiegħu stess, żieda ta’ 21 miljun ewro f’sitt xhur. Is-sussidji suppost qed jonqsu, skont dak li jgħid il-Gvern, imma li fil-fatt qed jiżdiedu. U hemm ukoll żieda ta’ 12-il miljun ewro oħra f’sussidji bħal dawk tat-trasport pubbliku.

B’kollox, in-nefqa tal-Gvern żdiedet b’131 miljun f’sitt xhur

Iż-żieda fin-nefqa tal-Gvern għall-ewwel nofs tas-sena kienet ta’ 131 miljun ewro aktar mill-istess nofs tas-sena ta’ qabel. Imma ż-żieda fid-dħul tal-Gvern kienet ħafna anqas. U dan wassal biex l-iżbilanċ f’das-sitt xhur jiżdied b’24 miljun ewro f’sitt xhur.

Żieda qawwija f’nefqiet rikorrenti…

Agħar minn hekk, meta tqis id-dinamika tal-infiq u d-dħul tal-Gvern tara elementi aktar inkwetanti. Għax waqt li ż-żidiet fl-infiq huma flejjes li l-Gvern irid joħroġ kull sena – salarji l-aktar – kien hemm żidiet fid-dħul tal-Gvern li kienu ta’ darba, li jfisser li l-iżbilanċ reali mar għall-agħar b’aktar minn 24 miljun f’sitt xhur.

…li żiedet ukoll id-dejn bil-qawwi

U dan narawh rifless ukoll fid-dejn tal-Gvern. Dawn iċ-ċifri tal-Gvern juru li fit-12-il xahar sa Ġunju, id-dejn tal-Gvern żdied b’440 miljun ewro.

Il-Gvern żied id-dejn tiegħu b’440 miljun fl-aħħar sena

Iva, dawn huma ċ-ċifri tal-Gvern stess u juru li minn Ġunju tas-sena l-oħra, meta l-Labour kien diġà ilu tliet xhur fil-gvern, sa Ġunju li għadu kemm għadda, il-Gvern żied id-dejn tiegħu b’440 miljun, jiġifieri ddejjen miljun u kwart kuljum.

M’hemmx skużi għal żieda qawwija ta’ nofs biljun ewro fid-dejn f’sena waħda

Din hi rata qawwija ta’ żieda fid-dejn. U m’hemmx skużi għaliha għax f’Ġunju tas-sena l-oħra l-Gvern preżenti kien diġà ilu aktar minn tliet xhur jiggverna. Tul it-tnax-il xahar sa Ġunju, hu kien responsabbli għan-nefqiet kollha li għamel, għal żieda sostanzjali fl-iżbilanċ u għal żieda qawwija ta’ kważi nofs biljun ewro fid-dejn f’sena waħda.