Lokali

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar ser jiltaqa’ nhar l-Erbgħa

L-Erbgħa fis-sitta ta’ wara nofsinhar il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar se jkun qed jiltaqa’ bl-unika punt fuq l-aġenda tkun il-ħatra tas-Sindku l-ġdid tal-lokalita’.

Dan wara li Quinton Scerri rriżenja mill-kariga’ fid-dawl tar-rapport tal-Bord tal-Governanza tal-Kunsilli Lokal – bord li fost il-membri tiegħu hemm l-eks uffiċjal tal-General Workers’ Union Ronnie Pellegrini.

Ir-rapport sab lil Scerri u lill-Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista ħatja ta’ numru ta’ irregolaritajiet fosthom in-nuqqas t’attendenza tal-maġġoranza tal-Kunsillieri tal-Partit Laburista.

Fiflatt, minn eżerċizzju li għamel dan l-istazzjon, il-Kunsilliera kollha tal-Partit laburista, ħlief John Pace u l-eks Sindku Quinton Scerri fallew bejn disgħa u tlettax-il laqgħa minn total ta’ tlieta u għoxrin li saru bejn April tal-2013 u s-sbatax ta’ Ġunju 2014.

Dan wassal biex il-Bord tal-Governanza rrakkomanda li l-Kunsilliera li fallew dawn il-laqgħat jiġu dekaduti, jiġifieri l-post tagħhom ikun vakat u jimtela’ minn ħaddieħor.

Imma l-amministrazzjoni Laburista qed taħdem favur Marc Vella Bonnici biex jimla’ l-post vakat minn Quinton Scerri. L-istess eżerċizzju ta’ dan l-istazzjon juri li Vella Bonnici falla 39% tal-laqgħat tal-Kunsill Lokali, inkluż l-aħħar sitt laqgħat tal-kunsill minghajr ma’ ta l-ebda raġuni. Dan meta l-kunsillieri Laburisti, ħlief John Pace, iddeċidew li jibbojkottjaw lis-Sindku Quinton Scerri u ma jattendux għal-laqgħat tal-Kunsill Lokali.

Imma biex Vella Bonnici jieħu din il-kariga’, skont artiklu 25 tal-liġi dwar il-kunsilli lokali, il-ħames kunsilliera l-oħra f’isem il-Partit Laburista li ġabu iktar voti minn Vella Bonnici fl-elezzjoni tal-Kunsill Lokali jridu jirrifjutaw il-kariga’ ta’ Sindku biex din il-kariga’ taqa’ fuq Vella Bonnici. Dan għaliex qabel tibda l-laqgħa, is-Segretarju tal-Kunsill irid joffri wieħed wieħed u waħda waħda lil kull Kunsillier ta’ dak il-partit li post il-kandidat tiegħu irid jimtela’, f’ordni tal-voti, u jsaqsihom jekk humiex lesti jsiru sindku.

Hu mifhum li Domenico Agius, li ġab l-ikbar ammont ta’ voti wara Quinton Scerri, se jirrifjuta l-kariga’, l-istess kif mistennija jagħmlu anke’ l-erba’ kunsillieri l-oħra qabel Vella Bonnici. Dan anke’ jekk huma mistennija jirrifjutaw kontra qalbhom.

Sadattant tqum ukoll il-mistoqsija dwar il-post tal-Viċi Sindku hekk kif din il-ħatra mhix imniżżla fil-laqgħa tal-Erbgħa. Bħalissa hu Domenico Agius li qed imexxi l-laqgħat tal-Kunsill bħala Aġent Sindku u jista’ jagħti l-każ li jkun propju hu li wara l-ħatra ta’ Sindku ġdid jaqdi l-kariga’ ta’ Viċi Sindku.

Intant f’Ħaż-Żabbar qed tkompli tinġabar petizzjoni mir-residenti favur Quinton Scerri, li fl-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tal-lokal kien ġab 4,469 vot, kważi 3,500 vot iktar mill-kandidat li ġie fit-tieni post f’isem il-Partit Laburista.