Qorti

Il-Qorti tannulla kuntratt dwar tindif li kien ingħata mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla

Il-Qorti tal-Appell ordnat lill-Kunsill Lokali ta’ Bormla biex jerġa’ jibda l-proċess ta’ aġudikazzjoni fuq tindif tat-toroq wara li nstab li l-kuntrattur magħżul kien se jkun qed iħallas lill-impjegati tiegħu anqas mill-paga minima. Filwaqt li aċċettat deċiżjoni mogħtija mill-Bord, li jirrevedi l-kuntratti, il-Qorti qalet li l-Kunsill Lokali għandu jelimina lil dawk li ma laħqux ir-rekwiżiti u jiġu kkunsidrati biss dawk li ppreżentaw applikazzjoni valida.

Il-Qorti tal-Appell kienet qed tiddeċiedi dwar appell li kien sar mill-kumpanija V&A Services Ltd. L-ewwwel sejħa għall-offerti kienet saret f’Ottubru 2013 u l-Kunsill ta l-kuntratt lil Raymond Attard, li kellu l-orħos offerta. V&A, li kien kompetitur ta’ Attard, appella u qal li r-rati ta’ Attard kienu tant baxxi li kienet xi ħaġa inevitabbli u li dan kollu jfisser li Attard se jispiċċa jħallas bix-xogħol prekarju. Il-Bord tar-Reviżjonijiet tal-Kuntratti kien laqa’ l-appell, iżda l-kumpanija V&A ma qablitx mar-rakkomondazzjoni tal-Bord biex jerġgħu joħorġu applikazzjonijiet għall-offerti.

Il-kumpanija qalet li l-Bord messu ordna li dawk il-kumpaniji li ma laħqux ir-rekwiżiti messhom ġew esklużi. Attard argumenta li hu ma kienx infurmat bid-direttivi l-ġodda fuq ix-xogħol prekarju u kompla jgħid li l-Bord kien korrett li jannulla kollox biex isiru offerti oħra ħalli hu jkun jista’ jikkunsidra d-direttiva dwar il-prekarjat.

Sadanittant, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla argumenta li xogħol prekarju jfisser li l-ħaddiema ma jingħatawx impjieg sikur għal perjodu indefinit, aktar milli għax dawn ma kienux se jirċievu l-paga minima. Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Appell irrevokat it-talba li ssir talba ġdida għall-offerti u minflok ordnat li telimina lil dawk l-applikanti li ma kienux jilħqu r-rekwiżiti biex ikompli bil-proċess ta’ aġudikazzjoni tal-kuntratt ma’ dawk li laħqu r-rekwiżiti.