Internazzjonali

Jinqatlu waqt attakk f’Xinjiang

Rapporti miċ-Ċina qalu, lbieraħ, li numru sostanzjali ta’ nies inqatlu jew indarbu meta grupp ta’ aggressuri armati bis-skieken wettqu attakki għall-għarrieda fuq għassa tal-pulizija, uffiċini tal-Gvern u ċ-ċivili li nzertaw quddiemhom fl-inħawi ta’ Shache, fir-reġjun ta’ Xinjiang.

Il-vittmi kienu jinkludu membri tal-minoranza Musulmana Uighur u ammont ta’ Ċiniżi, bir-rapporti jsostnu li ħafna mill-aggressuri sfaw maqtula mill-isparar tal-pulizija. L-aġenzija tal-aħbarijiet Xinhua, intant, qalet li għexieren ta’ karozzi tal-pulizija ġarrbu l-ħsarat inkella inqerdu totalment b’kaġun ta’ dan ‘l-attakk terroristiku’.

Sar magħruf ukoll li din il-vjolenza seħħet kmieni nhar it-Tnejn u mhux ċar għalfejn l-istampa uffiċjali taċ-Ċina damet daqstant żmien biex tirrapporta dwar id-dmija.