Skont l-Avukat Martin Fenech, li qed jidher f’isem Lisa May Camilleri, akkużata li nstigat lil bintha tigdeb kontra missierha billi tgħid li abbuża minnha, il-programm “Xarabank” ippreġudika l-każ kontriha. Dan hekk kif illum kompla jinstema’ l-każ, bil-Qorti tilqa’ t-talba tad-Difiża għal-libertà proviżorja fil-konfront ta’ Lisa May.
Il-libertà proviżorja ngħatat taħt diversi kundizzjonijiet, fosthom twissija lil Lisa May li bl-edba mod hi, jew il-qraba tagħha, ma tikkomunika ma’ bintha. Jekk hi jew xi ħadd li jiġi minnha, saħansitra jersaq biss lejha anqas minn 50 metru ‘l bogħod, l-akkużata terġa’ tispiċċa l-ħabs.
Lisa May Camilleri, li qed twieġeb mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha, qed tiġi mixlija wkoll li gidbet fil-konfront ta’ Emmanuel Camilleri u li dan wassal biex wara sentenza mogħtija mill-Qorti u kkonfermata mill-Appell jinżamm il-ħabs għal kważi 400 jum. Hu kien inħeles b’mod proviżorju mill-Qorti Kostituzzjonali.
Dwar il-programm “Xarabank”, l-Avukat Martin Fenech oġġezzjona għall-fatt li fil-Qorti jiġi ppreżentat kopja tal-programm u tal-intervista mat-tifla tal-akkużata u ta’ Emmanuel Camilleri bħala prova. Fil-programm, it-tifla Leanne kienet ammettiet li gidbet fuq missierha. L-Avukat Fenech qal li l-programm kien “speċifikament intenzjonat” li jinfluwenza l-każ u l-media ġiet manipulata. Fil-fatt, l-Awtorità tax-Xandir kienet iċċensurat il-programm minħabba li kiser id-drittijiet tal-klijenta tiegħu.
L-Avukat Fenech qal li “l-aħjar biċċa” tal-programm kienet meta l-Ispettur tal-Pulizija Sandro Camilleri, Emmanuel Camilleri u l-Avukat tiegħu Tonio Azzopardi kienu murija ħerġin mill-ħabs flimkien rekbin f’karozza tal-Pulizija. “Din hi xi ħaġa li qatt ma seħħet jew instemgħet li Spettur tal-Pulizija joħroġ mill-ħabs fl-istess karozza mal-akkużat u l-Avukat tiegħu”.
L-Ispettur Camilleri wieġeb billi qal li hu dejjem mexa mal-ordnijiet tal-Kummissarju u li ma għamel xejn ħażin. Fil-kumpilazzjoni, kompla jixhed il-preżentatur ta’ “Xarabank” Peppi Azzopardi, li qal li anke qabel ma l-programm intwera, kien waqqaf il-cameraperson tiegħu milli jiġbed lil Lisa May tidħol il-Qorti għax jemmen li akkużat m’għandux jissemma fil-media qabel ma tingħatlu s-sentenza.
Ix-xhud qal li l-programm qatt ma semma lilha b’isimha u deliberatament ħalla barra kumment li għamlet Leanne dwar ommha, meta qalet li ġiegħlitha tigdeb apposta taħt ġurament.
Kompla jixhed ukoll Emmanuel Camilleri (ritratt), li qal li fil-proċeduri kontra tiegħu xehdu bosta persuni, fosthom mill-Aġenzija Appoġġ, in-nanna tagħha, is-Surmast tal-iskola u anke hu stess. Is-Surmast kien tela’ jixhed għax Leanne kienet għamlet ilment li ġiet imsawwta u qalet li dak iż-żmien kienet tgħix ma ommha. Qal li fl-2010 kienet tkeċċiet mid-dar u wara li qalet li kienet tqila, marret għall-għajuna għandu u għand il-partner tiegħu kif ukoll il-ġenituri tiegħu.
Qabel l-2009 kienet spiċċat f’Dar Fejda u anke fil-Young Persons Unit fl-Isptar Monte Karmeli minħabba li kienet għamlet attentat ta’ suwiċidju meta kienet se taqbeż mit-tieni sular tal-Iskola. Emmanuel Camilleri qal li “kont kellimtha minn wara bieb u kienet qaltli ‘jekk ngħidlek il-verità l-mummy tmur il-ħabs?’ ‘Jekk ma għamlet xejn ħażin, ma tmurx il-ħabs'”, qal lil bintu.
Kompla jgħid li kienet tkeċċiet mid-dar ta’ ommha għax kienet qed taħseb li hi tqila. Qal li kienet marret għandu għall-għajnuna flimkien mas-sieħeb tagħha Damian u marru għand Tabib, fejn irriżulta li dak iż-żmien ma kinitx tqila. Qal li kienet talbitu skuża talli ma qalitx il-verità meta kienu fil-kċina ta’ omm Emmanuel. Leanne qaltlu li malli ommha saret taf li kienet x’aktarx tqila, kienet tkeċċiet mid-dar.
Emmanuel kompla li kien qalilha li jekk trid tgħid xi ħaġa fuq x-xhieda trid tmur għand il-Pulizija. Stqarr li ħafrilha, iżda qalilha li dan id-diskors trid tgħidu minn jeddha lill-Pulizija. Ix-xhud spjega li flimkien mal-partner tiegħu u tat-tifla, mar ma’ Leanne fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Bdew jitkellmu mal-Pulizija u ħarrġu lill-oħrajn barra mill-kamra. Kien sar konfront ma’ omm it-tifla, li qaltilha li mhux se terġa’ tmur id-dar ta’ Lisa May għax xebgħet tigdeb għaliha.
Emmanuel Camilleri qal li darba Leanne raqdet għand ommu u bdiet tibki ħafna, filwaqt li talbet l-għajnuna ta’ nannuha biex ikellem lill-Avukat Carm Mifsud Bonnici. Dan kien għamillu appuntament mal-Avukat tat-Tfal Stephanie Galea, li kienet tkellmet ma’ Leanne. Qal li kompla jiġġieled l-innoċenza tiegħu u fetaħ Kawża Kostituzzjonali, li fiha kienet xehdet Leanne wara li twissiet li qed tixhed taħt ġurament. Kienu saru konfronti ma’ żewġ infermiera, u qalet li jekk tgħid il-verità tibża li tmur il-ħabs.
Kien hemm ukoll konfront dirett miegħu u anke mal-partner tiegħu, spjega x-xhud, li kompla jgħid li Sandra Carabott, oħt Lisa May, darba fost l-oħrajn kienet staqsiet lil Leanne jekk hux vera li missierha missa u hi qalet li le. Omm Sandra u Lisa May kienet qajmet pandemonju.
Il-każ ikompli fid-9 ta’ Settembru li ġej.
//= $special ?>

