Lokali

Martin Galea mistenni jiltaqa’ mas-Servizzi tas-Sigurtà Maltin wara l-ħelsien tiegħu mil-Libja

L-għada tal-wasla tiegħu qawwi u sħiħ f’Malta minn esperjenza negattiva fil-Libja, il-ħaddiem Malti Martin Galea se jkun qed jitkellem mas-Servizzi tas-Sigurtà Maltin biex l-awtoritjaiet Maltin jiksbu l-informazzjoni dwar dan il-każ. Dan l-interrogatorju sar wara li waranofsinhar Martin Galea kien rilaxxat mill-Isptar Mater Dei, fejn ingħata assistenza medika mal-wasla tiegħu mil-Libja.

Għaldaqstant, l-attenzjoni fil-każ issa ddur dwar il-fatti ta’ dak li seħħ waqt li Galea kien maħtuf fil-Libja u dwar in-negozjati li saru biex Galea jkun meħlus. Mezzi tax-xandir Libjani qed isostnu li l-ħelsien ta’ Galea seħħ wara li tħallas rahan ta’ €400,000. Madankollu, ma kienx speċifikat min ħallas dawn il-flus, jekk hux il-Gvern Malti jew il-kumpanija li timpjega lil Martin Galea.

Mal-wasla tiegħu, Galea rringrazzja lill-Konslu Maltija Marisa Farrugia għall-ħidma tagħha biex hu jkun meħlus. Hu semmieha b’isimha fl-ewwel kummenti tiegħu mal-wasla fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fil-preżenza tal-Prim Ministru, meta qal li minn dak li ra u sema’ kienet hi li salvatlu ħajtu.

Dwar dan il-każ għad mhux stabbiliti diversi ċirkostanzi, fosthom liema milizja ħatfet lil Galea, fejn kien miżmum, x’kien l-iskop wara l-ħtif u x’wassal biex Martin Galea nħataf. L-unika informazzjoni li teżisti hi li Galea nħataf waqt roadblock.

Sadanittant, anke l-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija, irringrazzja lill-Konslu Malti fil-Libja, li fi kliem Martin Galea stess, salvatlu ħajtu.